Azzjoni immedjata minn żewġ pulizija wasslet biex tiġi salvata anzjana ta’ 72 sena min-nirien li ħakmu d-dar tagħha.
L-inċident seħħ il-Ħamis għall-ħabta tal-ħamsa u n-nofs ta’ waranofsinhar fi Triq Raymond Caruana, il-Gudja.
Malli l-Pulizija waslu fuq il-post innutaw duħħan ħiereġ mir-residenza u ġew infurmati li fuq ġewwa kien hemm persuna maqbuda.
Għalhekk, immedjatament il-pulizija daħlu fid-dar, telgħu fis-sular ta’ fuq u hemmhekk sabu lill-mara fi stat ta’ paniku, fejn kien jidher li ma kinitx konxja li qiegħda f’periklu kbir minħabba d-duħħan qawwi li kien hemm.
L-anzjana, li viżibbilment kienet tidher li belgħet id-duħħan, inħarġet mid-dar u ngħatat l-assistenza medika minn membri tal-emerġenza ta’ Mater Dei.
Ftit mumenti wara waslu fuq il-post il-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li kkontrollaw in-nirien, li jidher li kien ikkawżat minn xemgħa.