Ġuvni ta’ 19-il sena, minn Ħaż-Żabbar, kien arrestat wara li ħebb għall-pulizija waqt spezzjonijiet b’rabta ma’ ksur ta’ regolamenti tal-COVID-19.
Il-każ seħħ ilbieraħ, għall-ħabta tas-sitta u nofs ta’ filgħaxija, meta waqt spezzjonijiet li saru mill-Pulizija fl-inħawi tal-Bajja ta’ Għajn Tuffieħa, innutaw grupp ta’ sitt persuni miġburin ħdejn xulxin fuq il-bajja, fejn spjegawlhom li ma jistgħux ikunu fi grupp ta’ aktar minn żewġ persuni.
Żewġ Pulizija tkellmu mal-persuni involuti li kkoperaw mal-Pulizija, filwaqt li l-ġuvni ta’ 19-il sena beda jirrifjuta li jagħti d-dettalji tiegħu u ma obdiex l-ordnijiet mgħotija lilu sabiex ma jibqax fi grupp, u anke sabiex jobdi r-regoli ta’ distanza soċjali imposti minħabba il-pandemija.
Wara ftit ħin il-ġuvni qabad xugaman li kien mimli ramel u xejjru fid-direzzjoni tal-pulizija. Wieħed minnhom intlaqat direttament f’wiċċu, bil-konsegwenza li l-pulizija spiċċa bir-ramel f’għajnejh. Wara li mar f’Ċentru tas-Saħħa għal kura, huwa ġie riferut għall-Isptar Mater Dei għal iktar assistenza medika, fejn aktar tard ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi ħfief.
Il-ġuvni ittieħed fl-Għassa tal-Qawra fejn l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.