Ingliż ta’ 20 sena residenti San Pawl il-Baħar, ġie arrestat ilbieraħ minn Pulizija għall-Komunità ta’ San Pawl il-Baħar b’rabta ma’ allegat pussess u traffikar ta’ droga, suspettata kannabis.
Għal xi l-ħdax u nofs ta’ filgħodu, il-pulizija kien qiegħed ronda fil-Wardija u nnota vettura Ford Transit li dehret suspettuża. Wara li għamel ftit ħin isegwi l-vettura, il-pulizija waqqafha fi Triq il-Fortizza. Hemmhekk huwa talab lix-xufier id-dettalji tiegħu u kien hawn li r-raġel beda jaġixxi b’mod suspettuż.
Għaldaqstant, saret tfittxija fil-vettura u fuq in-naħa ta’ wara nstabet borża sewda u fiha kien hemm żewġ boroż trasparenti mimlija sustanza suspettata kannabis. Minnufih, intalbet l-assistenza tal-Pulizija tad-Distrett tal-Qawra fejn minn aktar tfittxijiet li saru fil-vettura nstab miżien żgħir kif ukoll diversi boroż żgħar tal-plastik.
Aktar tard saret tfittxija fir-residenza taż-żagħżugħ fejn instabu erba’ mobiles u ammont ta’ flus kontanti.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Yana Micallef Stafrace LL.D ġiet infurmata bis-sejba u ħatret inkjesta filwaqt li r-raġel ittieħed il-lock-up tal-Pulizija fil-Furjana għal aktar stħarriġ.