Il-vjolenza fuq l-uffiċjali tal-pulizija ġiet diskussa f’laqgħa tal-Konfederazzjoni Ewropea tal-Pulizija, EuroCOP, li tlaqqgħet f’pajjiżna u ospitata mill-Malta Police Union.
Din il-laqgħa ffokat kemm fuq iż-żieda allarmanti ta’ attakki fiżiċi, bil-fomm u virtwali fuq il-Pulizija, kif ukoll il-ħtieġa li tibda tinġabar statistika dwar atti ta’ vjolenza kontra l-Pulizija fl-Ewropa sabiex programmi ta’ taħriġ għal pulizija jiġu mirquma aktar.
F’diskors li għamel, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Byron Camilleri qal li l-vjolenza fuq l-uffiċjali tal-pulizija jeħtieġ tkun miġġielda b’kull mod u l-pajjiżi għandhom obbligu li jagħtu l-għajnuna kollha possibbli biex din tonqos.
Dr Camilleri rrefera għal dak esperjenzat f’Malta fl-aħħar snin u l-effetti tal-introduzzjoni tal-bodycams milbusa mill-pulizija Maltin fl-2021.
Il-Ministru Byron Camilleri tenna li l-introduzzjoni tal-bodycams tat aktar mezz ta’ protezzjoni lill-Pulizija biex jistabbilixxu l-fatti, filwaqt li l-filmati meħudin minn dan it-tagħmir ikun utli ferm anke fi proċeduri fil-qrati.
Dan wassal biex din l-għodda tkun ta’ benefiċċju u protezzjoni kemm għall-uffiċjali tal-Pulizija u anke għall-pubbliku.
Il-Ministru Camilleri qal li dan l-investiment wassal biex l-uffiċjal tal-pulizija jkun aktar protett, l-inċidenti naqsu, u tnaqqsu wkoll l-allegazzjonijiet bla bażi li kemm il-darba ġew esperjenzati fil-passat.
Il-EuroCOP hija organizzazzjoni li tlaqqa’ flimkien tletin union tal-korpi tal-pulizija minn diversi pajjiżi Ewropej u tirrappreżenta l-interessi ta’ aktar minn kwart ta’ miljun uffiċjal tal-pulizija minn ħamsa u għoxrin pajjiż Ewropew.