Ir-responsabbiltajiet tal-Korp tal-Pulizija mistennija jkunu aktar mifruxa hekk kif se tkun qed tissaħħaħ il-kontabilità u t-trasparenza tad-deċiżjonijiet u jkun hemm awditjar tul is-sena kollha.
Dan spjegah il-Ministru għall-Intern Carmelo Abela hekk kif it-Tnejn filgħaxija introduċa l-abbozz ta’ liġi dwar il-Pulizija. Huwa qal li dan jirregola l-organizazzjoni, id-dixxiplina u d-dmirijiet tal-Korp. Huwa saħaq li jeħtieġ li tingħata aktar importanza għat-taħriġ biex il-membri tal-korp ikunu aktar preparati għall-isfidi tal-preżent u tal-futur u ċ-ċittadin jingħata servizz aħjar.
L-abbozz jipprovdi għal Bord ta’ Governanza li għandu jippreżenta rapport annwali ta’ ħidma lill-Ministru u li l-imsemmi rapport għandu itqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tad-Deputati biex jiġi diskuss fil-parlament.
Barra minn hekk, qal il-Ministru, id-dokumenti strateġiċi tal-Bord se jiġu preżentati mill-Ministru lill-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali tal-Kamra. Il-Kummissarju tal-Pulizija se jibqa’ jmexxi u jiggwida l-Korp, kif ukoll jirregola l-ħatriet, id-dmirijiet u d-dixxiplina tal-Korp filwaqt li l-Kap Eżekuttiv għandu jkun responsabbli għall-kwistjonijiet operattivi u amministrattivi kollha, esklużi attivitajiet relatati mal-pulizija.