Ħames uffiċjali tal-pulizija li kienu jaħdmu fis-sezzjoni tat-traffiku wieġbu mhux ħatja u tpoġġew taħt att ta’ akkuża mixlija bi frodi u dikjarazzjonijiet foloz.
Il-Maġistrat Audrey Demicoli, bdiet tisma’ l-każijiet fil-konfront ta’ Walter Spiteri li kien Supretendent, Nikolai Sant u Pierguido Saliba li kienu spetturi, Clayton Frendo u Angelo Briffa li kienu surġenti. Dawn huma fost tnejn u tletin uffiċjal li qed jiffaċjaw proċeduri l-Qorti.
Is-supretendent Jesmond Borg u l-Ispettur Bernard Bunce mit-taqsima għall-affarijiet interni tal-korp qalu li l-pulizija bdew jinvestigaw ittra anonima li intbagħtet u kixfet dan l-allegat abbuż.
Allegatament dawn l-uffiċjali ma kinux qegħdin jagħmlu xogħol ta’ extra duty ma’ Transport Malta u Infrastruttura Malta fil-proġett tal-Marsa, meta suppost kienu għassa mit-toroq li jibdew minn Triq ix-Xintill Raħal Ġdid sar-roundabout ta’ Ħal Luqa. Minflok kienu jkunu l-pulizija li huma xogħol li qed jagħmlu dan ix-xogħol, flok dawk li qed jitħallsu għalih.
Allegatament l-moħħ wara dan l-abbuż huwa s-surġent Norman Xuereb.
L-Ispettur Bernard Bunce qal li l-uffiċjal Sandra Sillato, li taħdem f’uffiċċju u lanqas biss għandha mutur tat-traffiku, kienet ukoll qed titħallas ta’ xogħol ieħor b’rabta mal-proġett tal-Marsa.
Walter Spiteri li bejn Settembru 2018 u Novembru 2019 kien tħallas aktar minn €17,000 talli suppost kien joqgħod għassa mal-proġett tal-junction tal-Marsa iżda mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija ħareġ li ġieli Walter Spiteri kien ikun jew f’post ieħor jew inkella id-dar tiegħu.
L-Assistent Kummissarju Ian Abdila qal li Walter Spiteri ħallas il-flus kollha lura qabel ma ħarġu l-akkużi fil-konfront tiegħu.
Fil-każ ta’ Nikolai Sant ħareġ li meta mar f’din is-sezzjoni l-istruzzjonijiet li ngħata minn Norman Xuereb, kien li m’hemmx għalfejn imur fuq il-post imma joqgħod on call u stand by fil-ħinijiet extra duty.
Sant qal lill-Pulizija li meta xi ħadd kien iċempillu dejjem kien iwieġeb l-mobile u jikkordina kollox.
Mill-investigazzjonijiet ħareġ li kien jitħallas tal-extra duty waqt li kien ikun x-xogħol.
Allegatament huwa ġie imħallas €12,700. Il-flus raddhom kollha qabel ma ħarġu l-akkużi.
Is-supretendent Borg qal li Pierguido Saliba tħallas €17,200 waqt li kien xogħol iżda kienu jitniżżlu bħala extra duty.
Fil-każ ta’ Clayton Frendo, l-Ispettur Doriette Cuschieri qalet li darba Frendo kien is-Sannat Għawdex flok fejn suppost beda jagħmel l-extra duty. Irriżulta li allegatament huwa ħa €6,000 fi flus ta’ extra duty li m’għamilx. Il-flus ġew mħallsa lura minn Frendo li kien assistit mill-avukat Ishmael Psaila.
Dwar il-ħames każ, Angelo Briffa, assistit mill-avukat Dean Hili, intqal li kien hemm drabi li l-mutur lanqas biss inxtegħel waqt li suppost qed jagħmel extra duty.
Jirriżulta li b’kollox tħallas €8,000, liema flus ġew mħallsa lura.