F’inqas minn 24 siegħa wara li fuq ix-xandir tal-istat id-deputat Nazzjonalista David Stellini ma għadx jogħmodha billi qal li ma ġara xejn li taħt Gvern Nazzjonalista Malta spiċċat taħt proċedura ta’ defiċit eċċessiv, Clyde Puli ħassu skomdu jgħid jekk għalih ukoll ma kien ġara xejn b’daqshekk.
Filwaqt li beda jħares biex ħaddieħor ikun forċina biex isaqsih mistoqsijiet li xtaq hu, is-Segretarju Ġenerali Nazzjonalista u deputat tal-Oppożizzjoni prova jfarfar minn dak li qal Stellini.
“Jiena llum qed nitkellmu fuq dawn l-emendi, ma nafx, ma segwejtx il-programmi ta’ li ntqal ilbieraħ.”
Jekk xejn b’din id-dikjarazzjoni skomda, Puli kkonferma li fil-grupp parlamentari Nazzjonalista ħadd m’hu jiġbed ħabel wieħed, b’uħud mid-deputati Nazzjonalisti qegħdin imorru fuq it-televiżjoni u jagħtu l-gambetti lil Kap billi jagħmlu dikjarazzjonijiet imbarazzanti.
Filfatt fil-konferenza tal-aħbarijiet li organizza, għalkemm ma kritikax l-aġir ta’ Stellini fuq it-televiżjoni, għad attent biex ma jnaffrux, anke għaliex ħdejh kien hemm Karol Aquilina, deputat Nazzjonalista ieħor li mhux darba jew tnejn imbarazza lit-tmexxija ta’ Adrian Delia u ħadha kontrih.
Tant deher skomdu li quddiem is-suċċess li qed jikseb pajjiżna, is-Segretarju Ġenerali Nazzjonalista kompla jkun negattiv u jikkritika s-sewwa magħruf.
Skont hu, il-Gvern Malti kien kritikat mill-aġenziji internazzjonali ta’ kreditu, anki jekk dawn, li huma magħrufa li ma jħarsu lejn wiċċ reġgħu taw ċertifikat t’eċċellenza lill-ekonomija Maltija.