Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Clyde Puli, ma jridx jagħti flus lil Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia minn dawk li l-parlament jalloka lill-oppożizzjoni.
Dan għax Clyde Puli qed jargumenta li l-koppja Farrugia u l-Partit Demokratiku ma ħallsu xejn biex użaw il-palk u l-media tal-Partit Nazzjonalista qabel l-elezzjoni ġenerali.
Iżda, jidher li din hi tweġiba li mhix tissodisfa lil tal-Partit Demokratiku li bħala parti mill-oppożizzjoni qed jitolbu li jkollhom parti mir-riżorsi li l-Parlament jalloka għal għan ta’ riċerka fost oħrajn. Fil-fatt il-kap tal-Partit Demokratiku qal li se ssir talba formali għal dan il-għan.
Mal-ILLUM il-kap Anthony Buttigieg qal li huma qed jistennew li l-Partit Nazzjonalista jagħtihom sitt elef u mitejn ewro. Dan skont il-proporzjon taż-żewġ siġġijiet li għandu l-Partit Demokratiku.
Iżda mal-istess sit is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Clyde Puli, argumenta li fil-Parlament hemm Oppożizzjoni waħda. “Hemm Oppożizzjoni waħda u Kap tal-Oppożizzjoni wieħed,” kien ikkwotat jgħid Puli li żied li “Dan il-fond jintuża mill-Grupp Parlamentari tal-Oppożizzjoni li huwa wieħed.”
Iżda, Buttigieg qal li “l-PN qed jikkontradixxi lilu nnifsu.”
Dan għax f’nifs jgħid li hemm grupp ta’ oppożizzjoni wieħed u f’ieħor jgħid mod ieħor għax-xolja l-koalizzjoni bejn iż-żewġ partiti.
Din il-kwistjoni tqajmet għall-ewwel darba din il-ġimgħa fil-parlament u l-koppja Farrugia tal-Partit Demokratiku mhix lesta ċċedi kif ġieb u laħaq.