Il-laqgħa tal-eżekuttiv Nazzjonalista kienet mimlija bi ġlied u attakki bejn esponenti ewlenin mill-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil u l-fazzjoni tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
Il-laqgħa mhux biss kienet imqanqla iżda kkaraterizzata minn bosta leaks. Fil-fatt f’laqgħa ta’ sitt sigħat, il-membri tal-eżekuttiv miż-żewġ fazzjonijiet bdew joħorġu informazzjoni u jibagħtuha lill-ġurnalisti.
Sorsi fil-laqgħa tal-eżekuttiv li tkellmu ma’ ONE News qalu li l-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli kkonfronta lill-President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione biex jgħid x’ġie diskuss waqt il-laqgħa sigrieta li kellu fid-dar ta’ Louis Galea nhar is-sibt.
Kien ONE News li s-Sibt li għadda żvela laqgħa konfoffa li saret fid-dar ta’ Louis Galea fl-isfond ta’ manuvri minn għadd ta’ deputati mill-fazzjoni ta’ Busittil biex iwarrbu lil Delia minn kap Nazzjonalista.
Għal din il-laqgħa kien hemm ukoll id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina u l-eks President tal-Eżekuttiv tal-Partit Mark Anthony Sammut.
Sorsi fil-laqgħa tal-Eżekuttiv żvelaw ma’ ONE News li Clyde Puli sfida għal bosta drabi lil Perici Calascione sabiex jgħid x’intqal fil-laqgħa sigrieta tas-Sibt.
Madankollu Alex Perici Calascione baqa’ b’fommu mitbuq u ma riedx jagħti informazzjoni dwar x’intqal fil-laqgħa li ma kienx mgħarraf biha l-Kap.
Il-Malta Today irrappurtat ukoll l-Viċi Kap Nazzjonalista uxxenti Robert Arrigo kellu argument ma’ Claudio Grech u Therese Comodini Cachia, it-tnejn mill-fazzjoni Busuttil.
Arrigo akkużahom li minkejja l-bsaten fir-roti li għamlu lill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, huma qatt m’għamlu xejn għall-Partit Nazzjonalista.
Ara wkoll:
http://www.one.com.mt/2020/02/08/filmat-naqbdu-lil-karol-aquilina-perici-calascione-u-mark-anthony-sammut-fid-dar-ta-louis-galea-2/