L-eks Deputat Nazzjonalista u eks Segretarju Ġenerali Nazzjonalista Clyde Puli fetħilha kontra l-Blue Heroes li kienu daru kontra u sfiduċjaw lil Adrian Delia minn Kap tal-Partit Nazzjonalista.
F’kitba twila fuq facebook, li fiha għadda messaġġi lit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, Puli li rtira l-kandidatura tiegħu fl-ewwel jum tal-kampanja elettorali saħaq li l-għażla t’Adrian Delia bħala Kap Nazzjonalista setgħet kienet opportunità biex il-partit jiddakkar b’nies ġodda mingħajr ma neċessarjament jarmi l-esperjenza kollha li kien hemm.
Hawn saħaq li mbagħad l-istorja marret f’direzzjoni li qatt ma kellha tmur.
Dan hekk kif Deputati Nazzjonalisti u oħrajn tal-establishment għażlu li jqaċċtu lil Delia minn Kap u poġġew lil Bernard Grech.
Clyde Puli saħaq li t-tmexxija Nazzjonalista ppruvat timbotta nies meqjusa ġodda iżda fil-verità ma attirat l-ebda voti ġodda, anzi l-Partit Nazzjonalista naqqas mat-tnax-il elf vot mill-elezzjoni ġenerali tal-2017.
Puli qal ċar u tond li l-istrateġija tal-partit immexxija minn dawk ma’ djul il-Kap Bernard Grech, primarjament Ray Bezzina u Chris Peregin, ħalliet lill-Partit Nazzjonalista f’pożizzjoni iżjed dgħajfa.
Puli wissa li jekk il-partit se jmur fid-direzzjoni t’aktar tbissim u taptip fuq id-dahar iżda inqas sustanza, il-Partit Nazzjonalista se jiftaqar iżjed.
Puli kien irriżenja minn Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista fi Frar ta’ sentejn ilu u f’ittra kien tkellem dwar gambetti u daqqiet ta’ sieq fl-għaksa.
Fi kriżi politika li baqgħet tifni lill-Partit Nazzjonalista anki taħt Bernard Grech, Puli kien qal li lil Delia qaflulu lazz ma’ lazz biex jinstabat mal-art.
Puli kien baqa’ wara Adrian Delia u fil-vot ta’ sfiduċja mmuntat mill-Blue Heroes, hu kien wieħed mid-Deputati li ma vvotax kontra Delia.