Puka, se tkun il-mascot uffiċjali tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa li se jsiru f’Malta f’Mejju li ġej.
Puka, li ġejja mill-isem tal-ħuta li nsibu fl-ibħra Maltin, il-Lampuka, ġiet imnedija t-Tnejn filgħodu quddiem għexieren ta’ tfal minn skejjel differenti u fil-preżenza tal-atleti Maltin, fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera.
Ma’ ONE News, il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar, spjega li dawn il-logħob, apparti l-isport, se jiċċelebraw il-kultura Maltija.
Il-logo ta’ dawn il-logħob ifakkar ukoll dak li jagħmilna Maltin, hekk kif se jkun qed juri l-għajn li nsibu fuq il-luzzu.
Għal dawn il-logħob se jieħdu sehem aktar minn elf atleta ta’ għaxar dixxiplini sportivi u li ġejjin minn disa’ pajjiżi Ewropej. Se jattendu wkoll f’pajjiżna mal-ħames mitt speċjalist sportiv.
Il-Ministru responsabbli mill-qasam sportiv Clifton Grima, innota kif dawn il-logħob se jaqgħduna bħala pajjiż wieħed, u hawnhekk sellem lill-atleti Maltin u Għawdxin li se jirrappreżentaw lil pajjiżna.
Permezz ta’ din l-edizzjoni, Malta se tkun ospitat il-logħob magħrufa tal-GSSE għat-tielet darba hekk kif kienu ġa saru f’pajjiżna lura fl-1993 u l-2003.