SKS Publishers esprimew is-sodisfazzjon talli żewġ pubblikazzjonijiet tagħhom tal-2016 daħlu finalisti għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2017.
Western: bejn rakkonti, bejn divertimenti (Alfred Sant) u L-Iżvilupp tal-Edukazzjoni f’Malta (1430-1920) (Joseph A. Xerri) se jkunu qed jikkompetu għal Premju Nazzjonali tal-Ktieb. Ir-rebbieħa jitħabbru fis-7 ta’ Diċembru, waqt ċerimonja fil-Berġa ta’ Kastilja taħt il-patroċinju tal-Prim Ministru.
Western: bejn rakkonti, bejn divertimenti, hija kollezzjoni ta’ novelli ta’ Alfred Sant u hija finalista għal kategorija ‘Stejjer qosra bil-Malti u bl-Ingliż’. F’WESTERN l-istorja, li minnha ttieħed isem il-ktieb WESTERN, nidħlu fl-avventuri ta’ “il-Malti” li jispiċċa Wyoming fl-aħħar tal-1860. Min-naħa l-oħra, WESTERN il-ktieb jimraħ lil hinn mit-titlu tal-istorja. It-temi tal-imħabba, id-disprament, in-nostalġija u l-memorji mħarbta, l-ambizzjoni u d-delużjoni dejjem preżenti fil-kitbiet ta’ Alfred Sant, joħorġu spunti li jikkaratterizzaw il-bidu tas-seklu 21.
L-Iżvilupp tal-Edukazzjoni f’Malta (1430-1920) ta’ Joseph A. Xerri huwa finalist fil-Kategorija ‘Riċerka Bijografika u Storjografika.’ Din il-pubblikazzjoni hija storja estensiva tal-iżvilupp tal-edukazzjoni f’Malta li twassal sas-snin tletin, perjodu kkaratterizzat minn kunflitti lingwistiċi u kulturali bejn dawk favur it-Taljanizzazzjoni u dawk favur l-Anglo-sassonu. Xogħol Joseph A Scerri jinkludi perspettivi ekonomiċi, soċjali u kulturali. Il-ktieb jesprimi simpatija kontinwa lejn il-klassi tal-ħaddiem li ħafna drabi ġiet esplojtata minn dawk għonja u mill-awtoritajiet ċivili u ekleżjastiċi.
WESTERN u L-Iżvilupp tal-Edukazzjoni f’Malta se jkunu għal bejgħ fl-istand tal-SKS fil-Fiera Nazzjonali tal-Ktieb bejn it-8 u t-12 ta’ Novembru f’Dar il-Mediterran Għal Konferenzi. Alfred Sant u Joseph A Xerri se jkunu fuq l-istand tal-SKS nhar il-Ħadd 12 ta’ Novembru bejn il-11am u nofsinhar biex jiffirmaw kopji tax-xogħlijiet tagħhom.