Il-Ġimgħa filgħodu kien ippublikat ktejjeb li huwa mmirat biex joħloq aktar għarfien dwar id-drittijiet tat-tfal u kif it-tfal infushom għandhom jkunu mgħarrfa dwar id-drittijiet bażiċi tal-ħajja. Dan il-ktejjeb tqassam waqt konferenza tal-aħbarijiet organizzata mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali flimkien mal-Uffiċċju tal-Kummisarju tat-Tfal.
Il-ktejjeb bl-isem ta’ ‘30 Sena ta’ Drittijiet Umani tat-Tfal’, se jitqassam kemm fl-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex, filwaqt li se jitqassam ktejjeb apparti fir-residenzi, immirat biex joħloq aktar għarfien fost il-ġenituri.
Ħabbar dan il-Ministru Michael Falzon waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet, li matulha tkellem dwar kif il-Ministeru qed ikompli jaħdem fuq kampanji ta’ għarfien u tibdil f’liġijiet eżisteni sabiex jiġu salvagwardjati d-drittijiet tat-tfal.
Il-Ministru Michel Falzon qal li minn din il-leġislatura, d-drittijiet tat-tfal saru parti integrali mill-isem tal-Ministeru dan filwaqt li twaqqfet ukoll Politika Nazzjonali tat-Tfal, li tiddefinixxi b’mod ċar x’inhuma d-drittijiet tagħhom.
Il-Ministru Michael Falzon tkellem ukoll dwar l-introduzzjoni tal-Liġi tal-Protezzjoni tat-Tfal; liġi li se tkun hemm biex tintervjeni f’sitwazzjonijiet li t-tfal infushom ma għandhom l-ebda kontroll fuqhom. Din il-liġi hija intenzjonata biex tassigura li t-tfal jiġu l-ewwel u qabel kollox. Spjega kif sal-aħħar tas-sena se jidħlu fis-seħħ partijiet minn din il-liġi.
Min-naħa tagħha, il-Kummisarju għat-Tfal Pauline Miceli, qalet li kuntenta bix-xogħol li qed issir f’dan il-qasam, filwaqt li saħqet dwar l-importanza tal-promozzjoni ta’ iktar drittijiet, proviżjoni u protezzjoni tat-tfal.