Ġiet imnedija l-pubblikazzjoni li tirrappreżenta l-proċedimenti tat-tieni simpożju ta’ riċerka dwar l-ilwien diversi tal-komunità LGBTIQ+ bl-isem ‘Mapping the Rainbow’.
Dan il-proġett involva 16-il preżentazzjoni minn studenti li jistudjaw fl-Università ta’ Malta.
Il-pubblikazzjoni hija r-riżultat ta’ kollaborazzjoni bejn id-Dipartiment tal-Istudji tal-Ġeneru u Sesswalità tal-Università ta’ Malta, iċ-Ċentru ta’ Informazzjoni Europe Direct, id-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Moviment Malti għad-Drittijiet LGBTIQ+.
Dr Claire Azzopardi, li hija waħda mill-edituri ta’ dan l-istudju, spjegat li din il-pubblikazzjoni tinkludi sittax-il kontribuzzjoni miġbura taħt ħames oqsma tematiċi.
Qalet, “Kien hemm fuq il-ġeneru, l-identità tal-Ġeneru, il-Kura Soċjali u l-Politika Pubblika, l-Edukazzjoni, ir-Reliġjon u l-Ħajja Mgħixha għaqqadniehom imbagħad taħt dawn il-ħames temi.”
Għat-tnedija ta dan l-istudju attenda l-Ministru għall-Ugwaljanza Owen Bonnici, li wera s-sodisfazzjon tiegħu għal dan l-istudju importanti.
Huwa spjega li dawn ix-xogħolijiet ta’ riċerka jikkontribwixxu lejn korp ta’ għarfien li jista’ jipprovdi ħarsa lejn kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-persuni LGBTIQ+ f’Malta u jitfa’ dawl fuq dawk l-oqsma ta’ politika u l-provvista ta’ servizzi li jeħtieġ li jiġu indirizzati aħjar.
Il-Ministru temm jgħid li l-Gvern huwa kommess li jkompli jisma’ biex bħala amministrazzjoni ikomplu jiġu mbuttati aktar drittijiet.
Qal, “Din il-ħidma li qed iniedu llum hija pass ieħor biex inkomplu nimxu ’l quddiem b’ħidma li tgħaqqad lil kulħadd, biex mhux biss nibdlu l-liġijiet u l-aspetti legali, imma nbidlu wkoll il-qlub u l-imħuħ tan-nies favur l-ugwaljanza f’pajjiżna.”
Persuna tista’ tikseb kopja ta’ din il-pubblikazzjoni billi tibgħat email fuq lgbtiq@gov.mt.