Dalgħodu fil-Berġa ta’ Kastilja ġiet varata pubblikazzjoni ġdida mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni bl-isem ta’ ‘Is-Servizz Pubbliku fl-Istorja’. Din il-pubblikazzjoni għandha bħala editur ġenerali lill-Prof. Godfrey Pirotta li flimkien mal-awturi ppreżentaw l-ewwel kopja lill-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana.
‘Is-Servizz Pubbliku fl-Istorja’ jittratta l-ħidma li wettaq is-Servizz Pubbliku f’oqsma differenti. Ir-riċerka marret lura mijiet ta’ snin. Fost oħrajn, insibu kif u meta l-Amministrazzjoni Pubblika bdiet titmexxa mill-Maltin hekk kif taħt l-Ingliżi kien hemm reżistenza biex dan isir. Insibu tagħrif dwar l-ewwel eżamijiet li saru biex il-Maltin setgħu jidħlu jaħdmu fl-amministrazzjoni pubblika. It-temi tal-edukazzjoni, saħħa u xogħlijiet pubbliċi jiġu indirizzati minn awturi varji li kitbu dwar is-serje tal-kotba ta’ ‘Id-Denfil,’ is-servizz tas-saħħa f’Malta matul is-snin, kif ukoll kif evolva d-dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi.
Il-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana qal illi din il-pubblikazzjoni se timla vojt f’dan il-qasam hekk kif kien ilu jinħass il-bżonn ta’ studji b’Malti mexxej u li jinftiehem minn kulħadd. Huwa qal li din il-pubblikazzjoni se titqassam fil-libreriji kollha madwar Malta u Għawdex biex tkun tista’ titgawda minn kulħadd.
Min-naħa tiegħu, l-Editur Prof. Godfrey Pirotta tenna kif l-amministrazzjoni pubblika għandha numru ta’ fergħat li jikkollaboraw u jaħdmu flimkien. Dan biex titwettaq il-politika soċjali, ekonomika u politika ta’ Gvern elett demokratikament. Ma’ dan, wieħed irid iżid l-impenn li għandu s-Servizz Pubbliku biex jgħin lill-Gvern iwettaq ir-responsabbiltajiet tiegħu fil-qasam lokali u internazzjonali.
Kull min hu interessat li jakkwista din il-pubblikazzjoni bla ħlas għandu jibgħat email fuq info.pps@gov.mt jew iċempel fuq 22001489 sabiex jingħata iktar informazzjoni.