Allegatament żewġ plejers tat-tim nazzjonli tal-futbol ta’ taħt il-wieħed u għoxrin sena kienu interessati li jixxaħmu biex ikun irranġat l-iskor ta’ logħba kompetitiva li t-tim lagħab kontra l-Montenegro.
Fil-Qorti beda jinstema’ l-każ tal-allegat tixħim fuq plejers fejn intqal li qabel il-logħba tal-Montenegro kien hemm mad-disa’ plejers li ġew avviċinati biex jinxtraw u kienu qed jiġu offruti mat-tlett t’elef ewro.
F’dan il-każ hemm mixlija Ronnie MacKay ta’ erbgħa u tlettin minn San Ġiljan u eks-suldat, Kyle Cesare t’għoxrin sena li jilgħab ta’ midfielder ma’ Pieta Hotspurs u d-difensur Furjaniż ta’ tnejn u għoxrin sena, Emanuel Briffa.
Hekk kif bdiet il-kumpilazzjoni ġie spjegat li wara l-allegat tixħim hemm kumpanija tad-djar tal-imħatri Asjatika.
Intqal li l-maġġoranza tal-plejers avviċinati fil-logħba kontra l-Montenegro m’aċċettawx li jinxtraw u għalhekk jidher li l-kumpanija tefgħet ħarsitha fuq l-impenn li kien imiss tat-tim Malti, jiġifieri l-logħba kontra r-Repubblika Ċeka.
B’rabta ma’ dan il-każ kien hemm ukoll akkużat Seybel Zammit ta’ wieħed u għoxrin sena.
Matul il-kumpilazzjoni xehed l-ispettur Sean Scicluna li spjega kif MacKay offra s-somma ta’ seba’ t’elef ewro biex Zammit javviċina xi plejers.
L-ispettur saħaq li Zammit ltaqa’ mal-plejers Cesare u Briffa iżda dawn innegaw li aċċettaw xi flus mingħandu.
Intqal ukoll li Ronnie MacKay għamel pressjoni kbira fuq Seybel Zammit biex dan ixaħħam xi plejers tant li qallu li jekk jonqos li jagħmel dan, kien ikollu jirrifondi l-flus lura biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż li għamel Ċiniż li lagħab flus kbar fuq ir-riżultat mixtieq fil-logħob ta’ Malta.
Xehed ukoll Seybel Zammit li b’ton ta’ biża’ spjega kif beda jsibha diffiċli biex isib plejers biex jaċċettaw l-offerti għal tixħim.
Saħaq li hu dejjem kien jgħidilhom biex jiltaqgħu ma’ MacKay iżda ħafna mill-plejers kienu jgħidulu li dak bniedem perikoluż.
Sadanittant Ronnie MacKay qed jiċħad l-akkużi fil-konfront tiegħu u kien sostna li Zammit kien talbu joħloq kont ma’ kumpanija tad-djar tal-imħatri.