Bħalissa għaddejjin il-provi tal-akbar spettaklu għal din is-sena fil-Port il-Kbir: il-Valletta Pageant of the Seas 2024.
Dan l-ispettaklu mtella’ mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta se jkun miżgħud b’attivitajiet mill-isbaħ u tal-ogħla livell. Fost dawn l-attivitajiet se jkun hemm show tal-funtani tal-ilma li se jkun qed isir mill-kumpanija Franċiża Aquatique Show.

Din hija l-istess kumpanija li ħolqot ix-show tal-ftuħ tal-World Cup tal-2022 fil-Qatar u se tkun qed tiftaħ ukoll il-Logħob Olimpiku f’Pariġi din is-sena. Dan ix-show tal-funtani se jkun ukoll akkumpanjat minn mużika oriġinali miktuba minn Cyprian Cassar.
Se jkun qed jiġi wkoll projjettat fuq is-swar tal-Forti Sant’ Anġlu film qasir animat maħluq speċifikament għal din l-okkażjoni li se jkun qed jitratta t-tema tat-tniġġis fil-baħar mediterran, se jkun hemm dgħajjes tal-pass, spettaklu bid-dwal u l-lasers u anki logħob tan-nar mill-aqwa minn fuq il-baħar.

Dan kollu se jibda nhar is-Sibt fid-9pm u l-uniku u l-aqwa post biex il-pubbliku jara dan ix-show fl-intier tiegħu huwa Xatt il-Barrieri: minn fejn jorbot il-katamaran ta’ Għawdex sal-Pixkerija l-Anitka. Il-pubbliku huwa mħeġġeġ biex jaħsiblu kmieni sabiex jilħaq post tajjeb. Id-dħul huwa bla ħlas.