Il-Kummissjoni Ewropea laqgħet is-soluzzjoni dwar il-persuni abbord l-Ocean Viking u l-fatt li dawn se jiġu rrilokati f’sitt pajjiżi Ewropej wara li jitniżżlu f’Malta.
Bi kliem ċar, il-Kummissjarju Ewropew għall-Immigrazzjoni Dimitris Avramopoulos faħħar il-koperazzjoni u l-appoġġ tal-awtoritajiet Maltin li stqarr li għal darb’oħra, hekk kif għamlet f’ħafna okkażjonijiet oħrajn fil-passat, uriet solidarjetà konkreta.
“Għal darb’oħra dan jagħti prova tal-impenn b’saħħtu ta’ Malta għal soluzzjoni Ewropea dwar l-immigrazzjoni fl-ispirtu tas-solidarjetà u r-responsabbiltà konġunta”, qal il-Kummissarju Ewropej.
Huwa laqa’ wkoll il-koperazzjoni b’saħħitha ta’ Franza, il-Ġermanja, il-Portugall, ir-Rumanija, il-Lussemburgu u l-Irlanda li qablu li jirrikolaw l-immigranti abbord l-Ocean Viking.
Huwa sostna li dawn l-impenji għandhom jiġu onorati fl-iqsar żmien possibbli.
Il-Kummissarju Ewropew qal li dan l-eżitu pożittiv huwa riżultat ta’ xogħol ta’ kordinazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-pajjiżi membri Ewropej involuti li għal darb’oħra ressqu ’l quddiem u wrew solidarjetà u rieda biex jikkontribwixxu għal soluzzjoni.