Il-Prim Ministru Joseph Muscat iddeskriva l-istatistika dwar il-faqar ippubblikata fl-aħħar jiem bħala l-ikbar prova dwar kif, bil-miżuri li qed jieħu, il-Gvern qed jiġġieled il-faqar bil-fatti.
Joseph Muscat qal dan f’kollegament fuq One Radio meta nnota kif din il-ġimgħa ħarġu aħbarijiet importanti dwar is-sitwazzjoni tal-familji Maltin u l-Għawdxin. Spjega li għalkemm il-gvern jinnota r-rapporti tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu dejjem sostna li l-iktar importanti hu dak li jħossu n-nies.
“Il-familji Maltin u Għawdxin permezz ta’ studji internazzjonali qalu żewġ affarijiet importanti. L-ewwel nett 85% tal-familji Maltin u l-Għawdxin qalu li l-ekonomija tal-pajjiż hija waħda tajba ħafna,” beda biex jispjega Muscat li tenna li din hi riflessa fil-kwalità tal-għajxien tagħhom.
Fil-fatt innota wkoll li skont il-Eurobarometer kien hemm 75% tal-Maltin li qalu li jqisu lilhom infushom middle class.
“Din is-sena kien hemm 16% iktar li wieġbu li jħossuhom middle class. Dan huwa wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-moviment tagħna, flimkien mal-ġustizzja soċjali, mal-ugwaljanza u mal-għaqda nazzjonali. Nitkellmu u naġixxu dwar il-mobbiltà soċjali, li timxi ‘l quddiem u uliedek iħossuhom aħjar minnek. Meta jkun hemm iktar nies li jħossuhom middle class turi li l-politika tagħna qed tirnexxi,” qal Joseph Muscat.
Il-Prim Ministru fisser kif meta jkun hemm iktar nies li jħossuhom li jappartjenu għal middle class ikun qed juri li l-politika tal-Gvern qed tirnexxi.
Kien hawn li sostna li l-iktar ħaġa importanti hija l-ġlieda kontra l-faqar.
“Ir-rata ta’ nies fil-periklu tal-faqar naqset,” fakkar Joseph Muscat li fisser kif dan hu riżultat ta’ miżuri li qed jagħtu r-riżultati. “Bil-miżuri li qed nieħdu qed jirnexxielna niġġieldu l-faqar bil-fatt. Kien hemm gvern qabilna li kien jgħid li l-faqar perċezzjoni,” spjega l-Prim Ministru.
“Kemm ilna fil-gvern ħriġna seba’ persuni kuljum mill-faqar u mill-periklu tal-faqar,” qal Joseph Muscat.
Il-Prim Ministru nnota wkoll kif l-istatistika li ħarġet ma tinkludix l-effett tal-aħħar żewġ baġits. “Ċert ħafna li meta tinkludi fis-snin li ġejjien l-effetti tal-aħħar żewġ baġits il-ġlieda kontra l-faqar tkompli ġġib ferm iktar riżultat,” spjega Joseph Muscat li fakkar kif illum il-ġurnata r-rata ta’ persuni fil-faqar hija l-inqas kemm ilha tinġabar l-istatistika.
Hawn fakkar il-bidla li seħħet fi ftit snin.
“Tlaqna minn gvern li jiċħad, għal gvern li jirrikoxxi dan (il-faqar) bħala fatt, u jimxi b’miżuri effettivi biex kif rajna nnaqsu n-nies mill-faqar u nżidu r-rata ta’ nies li sejrin aħjar u jħossu li huma middle class,” temm il-Prim Ministru.