L-aġir tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia dalgħodu, huwa xhieda ċara ta’ kemm inħakem mill-establishment li qal li se jneħħi.
Mhux biss għax ix-xeni tal-Kap tal-Oppożizzjoni quddiem il-Qorti jfakkru f’Simon Busuttil, iżda wkoll għax ma kienx kapaċi jikkundanna lid-deputati tiegħu li talbu li l-inkjesta tal-Maġistrat Aron Bugeja tinfetaħ mill-ġdid. Meta Delia lanqas sempliċi dikjarazzjoni ma kien kapaċi jagħmel aħseb u ara kemm jista’ jittieħed bis-serjetà li kien se jwassal biex Simon Busuttil jerfa’ xi tip ta’ responsabbiltà politika kif kien talbu Delia nnifsu.
Dwar il-pubblikazzjoni tal-inkjesta l-Prim Ministru kien ċar li jrid l-inkjesta ppubblikata b’mod sħiħ mill-iktar fis u ħadd daqsu m’għandu interess li dan jiġri biex tkompli toħroġ il-verità dwar din il-gidba ċċertifikata.
Iżda, dan għandu jsir b’mod li ma jkunx imfixkel il-proċess tal-ġustizzja li titlob l-inkjesta nnifisha. Wieħed jistaqsi jekk Adrian Delia jridx li l-affarijiet isiru b’għaġla biex jiddefendi lil dawk li kienu wara dan il-frame up li kien jinkludi wkoll falsifikar ta’ dokumenti. Dan stqarru l-Partit Laburista.