Waqt żjara li saret fil-korsa tal-Atletika fil-Marsa, is-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima ħabbar li biex ir-ritorn għall-isport fil-miftuħ isir bl-aktar mod sigur, fl-aħħar jiem Sport Malta ħadmet fuq protokolli mediċi dwar kif jista’ jerġa jsir l-użu sigur tal-faċilitajiet tagħha.
Sport Malta ħeġġet lill-Għaqdiet Sportivi, li jaħdmu fuq barra, sabiex jagħmlu l-istess billi jagħmlu kuntatt magħha fl-online helpdesk li bdiet topera minn din il-ġimgħa.
Saħaq li issa se tinfetaħ il-pixxina b’kapaċità mnaqqsa.
L-Onor. Grima stqarr: “Wasalna fl-aħħar stadji propju biex jiġi ppublikat il-guidelines ta’ kif l-atleti għandhom propju jużaw dawn il-faċilitajiet. Dawn huma guidelines li se saru permezz ta’ koalizzjoni bejn SportMalta u d-dipartiment tas-saħħa. Kif ukoll irrid ngħid u b’sodisfazzjon illi SportsMalta ħaddet din l-inizjattiva wkoll u għamlet il-protocol mediċi tagħha propju għal dawk li huma faċilitajiet tagħha.”
It-tabib Kirill Micallef Stafrace qal li flimkien mal-awtoritajiet tas-saħħa qed jitħejjew protokolli mediċi filwaqt li s-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-isport flimkien ma’ Sport Malta qed iħejji lista għal kull sport biex jittieħdu l-prekawzjonijiet neċċessarji sabiex dawn jiġu segwiti.
Huwa qal: “Fl-aħħar nistgħu nipprattikaw dan l-isport. Dan huwa l-ewwel pass jekk naħdmu kollha flimkien u nimxu skont il-protokolli l-affarjiet se jirnexxu żgur.”
Il-President il-ġdid tal-Malta Amateur Athletics Association Andy Grech saħaq li t-trakka tal-atletika ilha ma tara atleti għall-aħħar tliet xhur u li kien ta’ diżappunt kbir għal kulħadd għax dak li atleta jkun ilu jibni f’ammont ta’ snin, jispiċċa jikrolla fi ftit żmien.
Hu temm jgħid li l-fatt li ġew rilaxxati xi miżuri u li minn nhar il-Ġimgħa l-atleti jistgħu jerġgħu jippratikaw it-taħriġ tagħhom fi gruppi ta’ 6, hija xi ħaġa emozzjonali u li tant ilhom jistennew bil-ħerqa.