Il-Ministeru għall-Edukazzjoni nieda protokolli ġodda għall-iskejjel għas-sena skolastika li jmiss.
Fost l-oħrajn, klassijiet bi studenti tat-tmien sena jew iżgħar, għandu jkollhom distanza ta’ metru u nofs bejn l-imwejjed.
Dawk mid-disa’ sena ’l fuq, jista’ jkollhom distanza ta’ metru bejn l-imwejjed.
Il-maskri fl-iskejjel iridu jintlibsu f’kull ħin.
Dawn id-dettalji ħabbrithom il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana waqt konferenza tal-aħbarijiet it-Tlieta filgħodu.
Spjegat kif mis-sena skolastika l-ġdida, jistgħu jsiru lezzjonijiet ta’ prattika fil-laboratorji, fieldwork, edukazzjoni fiżika u attivitajiet soċjali u speċjali bħal f’għeluq snin l-istudenti.
F’dawn l-attivitajiet kollha, irid jiġi rispettat il-prinċipju tal-gruppi.
Il-Ministru Caruana spjegat: “Fil-każ ta’ apparat waqt l-edukazzjoni fiżika u wkoll waqt il-lezzjonijiet tal-prattika fil-laboratorji, l-apparat li jintuża jrid ikun sanitizzat b’mod regolari. Jistgħu jinfetħu wkoll it-tuck shops imma jridu joffru biss affarijiet li jkunu pakkeġġjati minn qabel.”
Fil-bidu tas-sena skolastika, il-ġenituri mhux se jitħallew jidħlu għall-attivitajiet fl-iskejjel imma din is-sitwazzjoni tista’ tinbidel skont ir-rilaxxament ta’ aktar miżuri mill-awtoritajiet tas-saħħa.
L-assembleys filgħodu jistgħu jsiru sakemm tinżamm id-distanza soċjali u l-kunċett ta’ gruppi.
Miżuri li kienu fis-seħħ qabel il-pandemija u li kienu applikabbli għal persuni vulnerabbli, se jibqgħu fis-seħħ.
F’każ ta’ kwarantina, ir-regoli applikabbli fil-konfront tal-pubbliku inġenerali se japplikaw għas-settur edukattiv. Dan japplika wkoll għal perjodu inqas ta’ kwarantina għal dawk imlaqqmin kontra l-COVID-19.
Il-Ministru tenniet li mhux se jkun hemm diskriminazzjoni bejn studenti li mhumiex vaċċinati u dawk li ħadu t-tilqima.
Intant, bħalissa għaddejjin diskussjonijiet dwar kif jistgħu jsiru ċerimonji ta’ gradwazzjoni.
Il-Ministru qalet li l-Gvern seta’ jasal għal qbil fuq dawn il-miżuri wara diskussjonijiet kontinwi u produttivi ma’ dawk kollha fis-settur, fl-istess waqt li ġiet ikkunsidrata r-rata ta’ tilqim b’saħħitha fost il-poplu Malti u Għawdxi.
Hija tenniet: “Fil-fatt kemm l-edukaturi u wkoll dawk kollha li għandhom konnessjoni ma’ wliedna fl-iskejjel kważi kollha ħadu t-tilqim meħtieġ. Għandna wkoll 85% tal-istudenti ta’ 16-il sena ’l fuq u 73% tal-istudenti bejn 12 u 15-il sena li wkoll ħadu t-tilqima.”
Il-lista dettaljata tal-miżuri se tkun online fuq is-sit tal-Ministeru tal-Edukazzjoni.
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/09/07/l-mut-laqghet-il-protokolli-dwar-il-ftuh-tal-iskejjel-imhabbra-mill-gvern-1/