Uffiċjali tal-Pulizija kkontrollaw protesta paċifika li saret tard it-Tnejn filgħaxija fil-barracks ta’ Ħal Safi minn numru ta’ immigranti.
Jidher li kollox beda ftit qabel l-għaxra ta’ filgħaxija meta numru ta’ immigranti bdew isabbtu mal-bibien taċ-ċentru u jitolbu biex jinħelsu.
Imkejjen qrib iċ-ċentru ta’ detenzjoni qalu li l-biċċa l-kbira tal-immigranti li bdew jipprotestaw kien abbord il-vapur Ocean Viking li ddaħħlu f’Malta ftit tal-jiem ilu u qed jisstennew li jiġu rrilokati f’għadd ta’ pajjiżi oħrajn.
Żied jingħad li l-immigranti ħarġu fil-bitħa taċ-ċentru u bdew jgħajtu freedom… we want freedom u bdew iħabbtu mal-ħadid.
Fuq il-post issejħu bosta taqsimiet tal-pulizija fosthom tar-Rapid Intervention Unit u tal-Ispecial Intervention Unit. Is-sitwazzjoni ġiet lura għan-normal għall-ħabta tan-nofsiegħa wara li fiċ-ċentru daħlu 3 interpreti li tkellmu mal-immigranti.
Intant il-protesti komplew matul il-jum meta għal ħabta tas-sagħtejn grupp ta’ 12-il immigranti reġgħu għamlu protesta kajmana fl-istess ċentru waqt li kien qed jitqassam l-ikel.
Is-sitwazzjoni ġiet ikkontrollata fi ftit ħin mill-Pulizija li ssejħu fuq il-post biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni.