Fl-Ewropa komplew il-protesti kontra ristrezzjonijiet b’rabta mal-imxija tal-Covid-19.
F’mument fejn il-virus qed jerġa’ jgħolli rasu ferm fl-Ewropa, bosta pajjiżi imponew miżuri ristrettivi fuq il-popli fosthom fuq dawk mhux imlaqqma.
Fil-Belġju eluf ta’ persuni mxew marċ ta’ protesta.
Fi Brussell, il-pulizija kienet kostretta tispara l-gass tad-dmugħ biex tferrex id-dimostranti, ħafna minnhom mhux imlaqqma li qed jipprotestaw għaliex il-Gvern impona ristrezzjonijiet fuqhom bħal ma jidħlux f’ristoranti u stabbilimenti oħra.
Fl-Olanda, fosthom f’The Hague, kien hemm protesti enormi, b’nies jagħtu n-nar lir-roti fit-toroq kontra lockdown impost mill-Gvern.
Eluf ta’ nies anki protestaw fl-Awstrija, fil-Kroazja u anki fl-Italja kontra aktar miżuri ristrettivi.
L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, il-WHO, esprimiet it-tħassib tagħha għas-sitwazzjoni tal-Covid-19 fl-Ewropa, bid-Direttur Reġjonali tal-għaqda, Hans Kluge jgħid li jekk mhux se jkun hemm ċertu miżuri, fl-Ewropa jistgħu jmutu man-nofs miljun persuna oħra sar-rebbiegħa li ġejja.
L-appell tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa jibqa’ biex in-nies jilbsu l-maskri fejn hu meħtieġ u jitlaqqmu.
Fejn ir-rata ta’ tilqim hija għolja, in-nies huma mħeġġa li jieħdu d-doża addizzjonali tal-vaċċin biex ikomplu jipproteġu lilhom infushom.