Għexieren ta’ eluf ta’ ħaddiema minn madwar l-Ewropa kollha nġabru flimkien fi Brussell fi protesti kbar għal titjib fis-salarji u kundizzjonijiet ta’ għajxien aħjar.
Id-dimostrazzjonijiet issejħu mill-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions, l-ETUC, biex ikun hemm ftehim ġust għan-nies li jaħdmu, b’rispons għan-negozjati li qed isiru mill-Unjoni Ewropea dwar il-Patt il-ġdid ta’ Stabbiltà u Tkabbir, li għandu l-għan li jillimita d-dejn u d-deficits għall-pajjiżi membri.
B’dak li qiegħed jiġi propost mill-Unjoni Ewopea, pajjiżi li diġà qed isibuha diffiċli joħorġu mill-kriżijiet li jinsabu fihom, se jkollhom, minflok, jimplimentaw miżuri politiċi bħal qtugħ fil-baġits u żidiet fit-taxxi.
Madankollu, diversi kritiċi jgħidu li l-awsterità, li qed tiġi proposta mill-Unjoni Ewropea, mhix se taħdem u l-effetti se jfissru agħar mis-sitwazzjoni attwali.
Statistika maħruġa mill-ETUC turi li 14-il stat membru fl-Unjoni Ewropea se jkunu sforzati jaqtgħu ħamsa u erbgħin biljun ewro mill-bagits tagħhom għas-sena d-dieħla. Dawn ir-regoli l-ġodda għandhom jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar, iżda s’issa ma kien hemm l-ebda qbil dwar x’għandu jiġri.
Fost dawk li qed jattendu għad-dimostrazzjonijiet hemm rappreżentanti mill-akbar trejdunjin Maltija, il-General Workers’ Union. F’kumment ma’ ONE News, is-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja minn Brussell qalilna li huma qed juru s-solidarjetà tagħhom mal-ħaddiema milqutin Ewropej u li qed jiffaċċjaw futur inċert.
“Bħala GWU, il-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Ewropej, organizzat dimostrazzjoni fil-Belġju kontra dik li qed tissejjaħ Awsterità 2.0. It-talba ta’ trade unions Ewropej hi li ma jkunx hemmx awsterità bħal dik tal-2008 u aħna tlajna biex nagħtu appoġġ lil sħabna.”
Bugeja spjega li, b’dak li qed jiġi propost, diversi pajjiżi se jispiċċaw jirritornaw għall-awsterità li jfisser li joqtol l-impjieg, pagi aktar baxxi, iżda saħanistra inqas finanzjament għal servizzi pubbliċi.
Hawn spjega li diversi pajjiżi m’għandhomx is-sussidji b’saħħithom li jeżistu f’pajjiżna.
“Filwaqt li Malta qed tgawdi minn ċerti benefiċċji li pajjiżi oħrajn mhux qed igawdu minnhom, bħas-sussidju fuq id-dawl u l-ilma, iż-żieda fil-pensjonijiet, aħna irridu nagħtu appoġġ lil sħabna l-ħaddiema Ewropej, għax qed jitolbu li jkunu ttrattati b’mod diċenti u d-deċiżjonijiet li jittieħdu, jittieħdu f’isem iċ-ċittadini Ewropej, mhux favur id-dejn.”
Bugeja kompla li d-dimostrazzjonijiet kbar li seħħew illum huma biss il-bidu.
“Is-Segretarju Ġenerali tal-ETUC, Esther Lynch, ħabbret li dan hu l-ewwel pass, l-ewwel ġlieda fi gwerra sħiħa biex għandna nġibu l-Ewropa taċ-ċittadini u tal-ħaddiema. Li l-benefiċċju tal-ħaddiema għandu jiġi l-ewwel u qabel kollox”.