Eluf ta’ attivisti dwar id-drittijiet ta’ nies trans inġabru fil-Pjazza tal-Parlament Londra nhar is-Sibt jipprotestaw wara li l-Qorti Suprema tar-Renju Unit iddeċidiet li mara hija xi ħadd li jitwieled bioloġikament tas-sess femminili u għalhekk ġew esklużi nisa transġeneru mid-definizzjoni legali.
Hekk kif din id-deċiżjoni tefgħet f’inċertezza il-futur tad-drittijiet ta’ nies trans ġeneru, dimostranti nġabru flimkien għall-protesta ta’ emerġenza bl-attivisti ixejru bnadar u jġorru banners b’kitbiet li kienu jgħidu ‘nisa trans huma nisa’ u ‘drittijiet għat-trans issa’.
Id-deċiżjoni tal-Qorti li ittieħdet nhar l-Erbgħa tfisser li nisa trans li għandhom iċ-ċertifikat ta’ għarfien tal-ġeneru legalment mhumiex meqjusa bħala nisa.
Il-komunità trans huma mħassba li din id-deċiżjoni se tkun qed tnaffar id-drittijiet tagħhom u tkun katalista f’deċiżjonijiet futuri li se jkissru l-progress li sar fl-aħħar snin.
Skont il-Kummissjoni tal-Ugwaljanza u d-Drittijiet tal-Bniedem, dan ifisser li nisa transġeneru ma jistawx jutilizzaw toilets tan-nisa, swali tal-isptarijiet tan-nisa u lanqas jiffurmaw parti minn timijiet sportivi tan-nisa.
Fl-aħħar ċensiment, fir-Renju Unit 116,000 persuna identifikaw bħala trans, 8500 minnhom huma fil-pussess taċ-ċertifikat tal-għarfien tal-ġeneru.