Partitarji tal-Oppożizzjoni fil-Veneżwela nġabru fil-pajjiż biex jipprotestaw kontra r-rebħa ta’ Nicolas Maduro fl-elezzjoni Presidenzjali tax-xahar li għadda.
Il-kap tal-Oppożizzjoni Maria Corina Machado ngħaqdet ma’ eluf ta’ protestanti fil-kapitali, Caracas, u ħeġġithom biex ma jibżgħux.
Machado, li fl-aħħar jiem ma dehritx minħabba li ġiet akkużata li qajmet rewwixta vjolenti kontra l-gvern, qalet li m’hemm xejn akbar mill-vuċi tal-poplu, u li l-poplu tkellem.
Anki Maduro mexxa dimostrazzjoni, li kienu msejħa għaliha l-Pulizija u l-armata.
Il-kummissjoni elettorali tal-pajjiż, li hija mmexxija minn alleati ta’ Maduro, irrifjutat li tippubblika d-dettalji tar-riżultat tal-elezzjoni, iżda ddikjarat li hu rebaħ bi tnejn u ħamsin fil-mija tal-voti.
Osservaturi indipendenti qalu li dan ir-riżultat m’għandux trasparenza.