Ħarġu jipprotestaw il-Pollakki li huma favur li l-Polonja tibqa’ fl-Unjoni Ewropea, fost il-biżgħat li l-Polonja toħroġ mill-unjoni.
Aktar minn 100,000 persuna pprotestaw fil-kapitali Varsavja.
Nhar il-Ħamis li għadda l-ogħla qorti Pollakka ddeċidiet li artikoli ewlenin tal-liġi Ewropea huma inkompatibbli mal-kostituzzjoni tal-pajjiż.
Id-deċiżjoni tal-qorti effettivament irrifjutat il-prinċipju ewlieni, jiġifieri li l-liġi tal-Unjoni Ewropea għandha dominanza fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali.
Il-Prim Ministru Pollakk Mateusz Morawiecki kiteb fuq Facebook illi l-Polonja għandha drittijiet daqs kwalunkwe stat ieħor. Tenna li jrid li dawn id-drittijiet jiġu rispettati.
Morawiecki insista wkoll li post il-Polonja huwa fl-Unjoni Ewropea. Qal li l-partit tiegħu m’għandu l-ebda pjan għal dak li xi wħud qed isejħu Polexit.