Ftit attivisti involuti fil-Kamp Emerġenza Ambjent qed jagħmlu azzjoni diretta sabiex juru d-diżappunt tagħhom bir-rwol li kellha l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) fl-approvazzjoni tal-proġetti ta’ Townsquare u Mrieħel Towers mill-Awtorità tal-Ippjanar.
L-azzjoni qed issir flimkien mal-Moviment Graffitti, Friends of the Earth u Flimkien għall-Ambjent Aħjar.
“Aħna nemmnu li dawn it-torrijet għoljin li għadhom kemm ġew approvati se jkunu biss ta’ benifiċċju għal ftit nies sinjuri, għad-detriment tal-ambjent u tal-kwalità tal-ħajja tagħna,” qalu tal-Emerġenza Ambjent. L-attivisti fil-Kamp Emerġenza Ambjent sostnew li huma iddiżappuntati ferm li f’dawn il-każijiet l-ERA naqset kompletament mid-dmir tagħha li tħares l-ambjent.