Il-protesta tal-Partit Nazzjonalista t-Tnejn filgħaxija kienet xhieda ċara oħra ta’ kemm l-istess Partit qed juża l-inkjesta tal-Vitals biex jinstiga l-inkwiet u l-mibegħda.
Dan deher ċar mill-atteġġjament ta’ deputati tal-Partit Nazzjonalista, ewlieni fosthom Adrian Delia, li malli ħarġu d-deputati Laburisti mill-Parlament instiga u kompla mal-għajjat u t-tgħajjir.
Qal, “Fejnhom il-Maltin? Min irid jagħti s-saħħa lill-Maltin. Dawn qalulna li jridu s-saħħa lill-Maltin. Dawn serqu s-saħħa lill-Maltin, serqu lilkom, serqu lill-Għawdxin, serqu lil uliedna.”
Fil-fatt, crew minn dan l-istazzjon seta’ jiġbed ir-reazzjoni ta’ wħud mill-partitarji Nazzjonalisti mal-mument li d-deputati Laburisti ħarġu mill-Parlament.
Wara dan kollu, Delia nqabad jehmeż u jidħak b’dak kollu li ġara.
L-istess protesta ntużat ukoll biex tinstiga mibegħda u tgħajjir fil-konfront tal-uffiċċju tal-Ispeaker Anġlu Farrugia. Dan hekk kif ir-ruling tal-Ispeaker, għal talba oħra tal-Kap Nazzjonalista biex l-Inkjesta Vitals tiġi diskussa, ġie mxandar waqt il-protesta.
Mad-deċiżjoni tal-Ispeaker, li mill-ġdid ma laqax it-talba tal-Kap sempliċiment għax diskussjoni Parlamentari tippreġudika l-każi u l-proċessi ġudizzjarji, dlonk il-partitarji Nazzjonalisti nfexxew f’tgħajjir lejn l-istess Dr Anġlu Farrugia.
Biex b’hekk kompla jiġi kkonfermat kemm il-Partit Nazzjonalista juża riga differenti miegħu nnifsu meta jiġi biex jattakka l-istituzzjonijiet f’pajjiżna.
Sadanittant, fid-diskors tiegħu, il-Kap Nazzjonalista baqa’ jikkonferma kemm il-Partit, li jmexxi, hu mwaħħal fil-passat.
Qal, “Meta tela’ l-Partit Nazzjonalista fl-1987 spiċċat dik l-era u bdiet era ta’ suċċess …Tqum kburi li int Malti, li int Maltija. Tiftakru protesti bħal dawn fit-tmeninijiet.”
Mhux diskors il-Kap biss ikkonferma dan.
Hekk kif fost dawk li attendew għal din il-protesta, kien hemm figuri ewlenin tal-passat tal-Partit Nazzjonalista. Spikkaw fosthom l-eks Ministru Nazzjonalista Austin Gatt u l-eks Segretarju Ġenerali tal-PN Pawlu Borg Olivier.
Jekk kien hemm bżonn konferma oħra tal-establishment, li għadu jiddomina u jmexxi fid-Dar Ċentrali, il-preżenza ta’ Ray Bezzina kompliet tagħmel dan.
Bezzina, li serva bħala l-id il-leminija ta’ Bernard Grech, deher fuq quddiem tal-protesta jgħin u jmexxi l-andament. L-istess Bezzina li nqabad minn ONE News f’lukanda ewlenija f’San Ġiljan, jieħu struzzjonijiet mingħand Richard Cachia Caruana dwar l-istil li għandu jmexxi bih il-Kap Bernard Grech.