Il-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija se jibqa fuq quddiem biex ifittex l-aħjar interessi tar-residenti.
Għal dan il-għan, is-Sibt filgħodu organizza protesta sabiex parkeġġ li sa ftit ilu kien jintuża mir-residenti u li issa ttieħed minn kumpanija privata jerġa’ jingħata lura.
L-art li hija ta’ Sport Malta kienet ingħatat lill-klabb tal-futbol ta’ Santa Lucija u dejjem kienet aċċesibbli għall-pubbliku. Iżda, ftit ġimgħat ilu, kumpanija privata mliet il-post b’għadd ta’ karozzi tal-kiri, bil-konsegwenza li l-pubbliku tilef l-aċċess għaliha.
Is-Sindku ta’ Santa Luċija spjegatilna li bħala Kunsill Lokali lest li jieħu passi ulterjuri fl-interess tar-residenti.
“L-iskop ta’ din il-protesta kien biex nuru lil kulħadd li l-Kunsill maqgħud flimkien mar-residenti, biex dawn il-karozzi jiġu mneħħija minn hawn malajr kemm jista jkun u din l-art terġa tingħata għall-użu tar-residenti Luċjani. Aħna favur l-ambjent u jieqaf dan l-użu illegali u li huwa health hazard.”