Wara d-delitt fuq Eleanor Mangion Walker, quddiem il-Parlament fil-Belt Valletta ttelgħet protesta bl-isem ta’ ONE TOO MANY.
Il-Protesta ONE TOO MANY hija protesta li trid tqajjem għarfien dwar il-vjolenza domestika. B’hekk is-soċjeta’ tingħaqad flimkien biex twassal messaġġ. Kienu bosta dawk li libsu żraben ħomor biex ifakkru l-vittmi ta’ vjolenza domestika. Spikka wkoll l-ilbies oranġjo li huwa assoċjat mal-vjolenza fuq in-nisa.
Din l-istess protesta qed tappella li l-Gvern Malti biex idaħħal fis-seħħ malajr kemm jista’ jkun il-Konvenzjoni ta’ Istanbul, proċess li bħalissa għaddeja ħidma fuqu.
F’kummenti ma’ one.com.mt, Dr. Lara Dimitrijevic, li hija d-direttur tal- Women Rights Foundation spjegat li r-raġuni wara din il-protesta hija li minkejja Malta rrattifikat il-konvenzjoni ta’ Istanbul, għad m’hemmx il-mekkaniżmu biex din tkun tista’ tiġi attwata. Hija użat l-eżempju ta’ sitwazzjoni fejn ikun meħtieġ li l-agressur jinħareġ mid-dar. “Din il-garanzija tista’ tinħareġ biss mill-qorti, m’hemmx mekkaniżmu li tkun tista’ titlob garanzija qabel jinstema l-każ.”
Dimitrijevic saħqet illi l-liġi għandha tinbidel biex tinkludi wkoll l-abbuż finanzjarju.