L-għaqdiet ambjentali li qed jopponu l-master plan għal Paceville sostnew li se jorganizzaw protesta nhar is-Sibt. Dan sabiex jopponu dak propost fil-master plan li skonthom għandu jiġi abbandunat u jsir ieħor.
L-għaqdiet flimkien ma’ stakeholders bhalissa jinsabu f’laqgħa ta’ konsultazzjoni organizzata mill-Awtorità tal-Ippjanar dwar il-master plan għal Paceville.
Ir-rappreżentanti tar-residenti urew l-għadab tagħhom għal master plan ta’ Paceville. Huma qed isostnu li l-iżvilupp propost m’huwiex wieħed sostennibli u qed juru tħassib li uħud mill-propjetajiet tar-residenti se jigu mittiefsa.
Saħqu li d-disa’ żviluppi massici se joħolqu traffiku enormi u l-popolazzjoni f’San Giljan se tiżdied b’numri allarmanti. Dan intqal fl-isfond li l-Awtorità tal-Ippjanar qalet li l-iżviluppi se joħolqu mad-disa’ t’elef impjieg.
Kelliem ghal GRTU qal li l-organizazzjoni li jirrapreżenta hija kontra l-master plan għaliex se jintlaqtu ħażin in-negozji ż-żgħar. Żied jgħid li se jinħolqu problemi fuq il-bilanċ ekonomiku li ilu jaħdem f’Paceville. Dan b’referenza għal proposta li xi negozji żgħar jigu esproprijati.