Għexieren ta’ nies inġabru fi Quisisana f’Tas-Sliema fi protesta kontra l-kostruzzjoni ta’ bini għoli. Jemmnu li dawn qed joħolqu pressjoni fuq l-infrastruttura bħal ma hija s-sistema tad-dranaġġ u tat-traffiku. Spikkaw ilmenti estetiċi li l-bini għoli propost fi Quisisana se jfixkel id-dawl tax-xemx fit-toroq tal-inħawi.
Il-protesta saret jiem biss wara li numru ta’ entitajiet talbu lill-Gvern biex jagħmel studju estensiv fuq riperkussjonijiet ta’ bini għoli fuq l-ambjent u l-infrastruttura lokali. Ħarġu kontra żewġ binjiet ta’ 28 u 30 sular rispettivament, li skont ir-residenti Slimiżi se jkun dannu kbir għas-saħħa u t-traffiku. Appellaw lill-Awtorità tal-Ippjanar tiddiskuti biex il-proġett Town Square f’Tas-Sliema ma jsirx.