Residenti li joqgħodu fl-inħawi tal-Baħrija u s-Salvatur fir-Rabat organizzaw protesta fid-dawl li bħalissa qed isiru diversi xogħlijiet biex jitwassal is-servizz tad-drenaġġ fil-Baħrija. Dawn ix-xogħlijiet kellhom jieħdu ftit iżjed taż-żmien dan minħabba d-diversi sejbiet storiċi f’ dawn l-inħawi.
Intant il-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-ilma qalet li dan ix-xogħol mistenni jkun lest fil-gimgħat li ġejjin dan hekk kif fadal biss l-aħħar 30 metru tat-triq li fiha nstabu dawn is-sejbiet storiċi fosthom oqbra bl-għadam.
Diversi residenti tal-baħrija illejla ingħaqdu fi protesta sabiex isemmgħu l-karba tagħhom għall- istat tat-toroq ulterjuri li bħalissa qegħdin jgħaddu minnhom minħabba li fit-triq prinċipali għaddejjin ix-xogħlijiet tas-servizzi tad-drenaġġ.
Liema xogħlijiet qed idumu minħabba s-sejbiet storiċi. Huma qalu li qabel sar il-proġett setgħu tranġaw it-toroq li qed jgħaddu minnhom u hekk kien jonqos l-inkonvenjent. Magħhom ukoll ingħaqdu xi nies miż-żona tas-salvatur li bħalissa ħafna mit-traffiku qed jgħaddi minn hemmhekk.
Minħabba dawn is-sejbiet li saħansitra kellha tidħol ħidma forensika li studjat l-għadam.
Dan il-proġett ser jiswa ħames miljun ewro li huma ffinanzjati mill-Fondi Ewropej u ser iwassal biex ir-residenti tal-Baħrija jkollhom għall-ewwel darba sistema tad-drenaġġ.