Il-Moviment Graffitti, flimkien mal-Ambaxxata Palestinjana f’Malta, organizzaw protesta fejn esprimew is-solidarjetà tagħhom mal-Palestinjani, b’mod partikolari mal-popolazzjoni ta’ Gaza.
Waqt li kien qiegħed jindirizza l-protesta, Andre Callus mill-Moviment Graffitti qal li bħalissa f’Gaza hemm ġenoċidju. Hu spjega li żewġ miljun u nofs Palestinjan, fi strixxa t’art id-daqs ta’ Malta, bħalissa jinsabu taħt bombardament bla waqfien.
Hu żied jgħid li dan kollu qiegħed isir fl-istess ħin li dawn qed jiċċaħħdu totalment mill-ikel, l-ilma u l-fuel, minħabba dak li sejjaħ assedju illegali minn Iżrael.
Callus irrepeta l-kundanna kontra l-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, fejn qal li qed tiffaċilita dak li qed iseħħ fir-reġjun.
Min-naħa tiegħu, l-Ambaxxatur Fadi Hanania, qal li mijiet ta’ tfal, nisa u rġiel qed jinstabu mejta taħt it-tifrik ta’ kuljum.
Waqt li rringrazzja lill-President George Vella, lill-Prim Ministru Robert Abela u lill-Gvern Malti għall-ħidma u l-appoġġ tagħhom, hu ħeġġeġ biex kulħadd isemma’ vuċi ta’ solidarjetà ma’ dawk f’Gaza.
Min-naħa tiegħu, l-Imam Mohammad Elsadi, li jmexxi l-komunità Musulmana f’Malta, qal li l-Palestinjani ilhom ħamsa u sebgħin sena sħaħ iġarrbu tkeċċija minn arthom u politika ta’ terrur imwettqa mill-Istat Iżraeljan u l-ambizzjonijiet kolonjali tiegħu.