Il-Moviment Graffitti talab lill-Arċisqof ta’ Malta jirtira d-deċiżjoni li jirrinunzja kontroll fuq artijiet f’Għawdex li jistgħu jiġu żviluppati u li jħalli familji b’ta’ fuqhom senduqhom hekk kif jispiċċaw jitilfu darhom li tinsab fuq l-artijiet inkwistjoni.
B’kartelluni jaqraw ‘Ir-Ragħaj Tefgħana f’Ħalq l-Ilpup’, ‘Tradiena’ u referenzi li l-Arċisqof biegħ l-interessi tan-nies għal mitejn elf ewro, numru ta’ nies inġabru quddiem il-Kurja fil-Floriana u wrew l-għadab tagħhom għad-deċiżjoni tal-Arċisqof Monsinjur Charles Scicluna.
Il-kwistjoni ddur fuq deċiżjoni li ħa l-Arċisqof fl-2017 meta tneħħa qassis minn Rettur tal-Abbazia di Sant Antonio delli Navarra, Fondazzjoni li tikkontrolla u tamminsitra l-artijiet.
Fil-fatt numru ta’ snin ilu, il-familja Stagno Navarra, li għad trid tipprova kif din l-art hija tagħha, flimkien mal-eks Maġistrat Dennis Montebello u l-Avukat Carmel Galea, ħallsu lil Arċidjoċesi Maltija €200,000, biex il-Kurja titlaq il-kontroll minn fuq il-Fondazzjoni u din tiġi f’idejn il-kumpanija Carravan.
Dan wara kawża ta’ aktar minn għoxrin sena fil-Qorti bejn il-Kurja u l-kumpanija ta’ Stagno Navarra.
Illum din il-fondazzjoni jikkontrollaha l-Avukat Patrick Valentino, fuq għażla tal-familja ta’ Stagno Navarra.
Issa li l-Arċidjoċesi ma għadx għandha kontroll ta’ din il-medda ta’ art, persuni li jgħixu fuq din l-art u bdiewa fost oħrajn jinsabu f’riskju li jitilfu l-art li ilhom jgħixu fuqha jew jaħdmuha.
Fi stqarrija tal-Kurja fl-istess jum tal-protesta, l-Arċidjoċesi ta’ Malta qalet li ma setgħetx tkun taf minn qabel dwar deċiżjoni tal-Aġenzija tar-Reġistru tal-Artijiet meħuda fl-2019, li wasslet biex jiġu rreġistrati artijiet f’Għawdex bil-konsegwenza li numru ta’ residenti huma inċerti dwar it-titlu legali ta’ darhom.
Il-Knisja mbagħad ikkonfermat li rċeviet is-somma ta’ €200,000 biex jiġu onorati l-obbligi reliġjużi, fosthom ċelebrazzjoni ta’ quddies.
Dawn l-obbligi huma marbuta mal-Fondazzjoni Abbazia San Antonio Delli Navarra.
L-Arċidjoċesi temmet tappella sabiex tinstab soluzzjoni ġusta u raġonevoli.
Intant meta xahar ilu l-Arċisqof tela’ jixhed f’kawża li l-għan tagħha hija li twassal sabiex l-artijiet jiġu rreġistrati mal-kumpanija Carravan, Monsinjur Scicluna sostna li hu ma kienx jaf li l-artijiet inkwistjoni se jiġu żviluppati qabel hu rrinunzja l-kontroll għall-ħlas ta’ €200,000.
Barra l-Qorti t’Għawdex fejn oriġinarjament l-Arċisqof ma riedx jitla’ jixhed fuq il-pedana tax-xhieda fl-awla iżda ried jixhed permezz tal-video conferencing, Monsinjur Scicluna kien imdawwar mill-pulizija u uffiċjali tas-sigurtà.