L-isport mingħajr il-partitarji mhu xejn u l-Gvern qed jisma l-karba tal-partitarji sportivi.
Dan intqal waqt laqgħa mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Isport, Clifton Grima, f’laqgħa mal-partitarji tat-tim nazzjonali Malti, is-South End Core.
Fuq il-paġna tagħhom fuq Facebook, is-South End Core qalu kif huma lesti li jimxu mal-protokolli tal-awtoritajiet tas-saħħa u jidħlu bil-qies fil-grawnd biex isegwu l-futbol Malti.
Qalu kif huwa aktar ta’ riskju li l-partitarji u l-ġenituri ma jidħlux għal logħob tal-kampjonati minħabba l-fatt li xorta qiegħed jinstabu metodi kif isegwu l-partiti, filwaqt li qed jipperikolaw is-saħħa tagħhom.
Hawnhekk qed jiġi propost li għal kull logħba tan-nursery jiddaħħlu ħamsin persuna bħala spettaturi.
Tas-South End Core qed jippronu sabiex l-ewwel logħba li jiddaħħlu fiha partitarji tkun dik ta’ Malta kontra r-Russja, mill-Kampjonat ta’ Kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja fl-24 ta’ Marzu. Qegħdin jipproponu li din il-partita tkun waħda bi prova b’massimu ta’ 1,600 partitarju fi grawnd li jesa’ kważi 17,000 ruħ.
Waqt il-laqgħa ġie propost ukoll li ġimagħtejn wara din il-logħba jkun iddikjarat li ma kien hemm l-ebda periklu għal saħħet il-poplu u f’dan il-kas jibdew jiddaħħlu xi partitarji jsegwu l-logħob tal-kampjonati lokali.
Is-Segretarju Parlamentari se jippreżenta l-protokolli proposti lill-Ministeru tas-Saħħa.