Il-Prim Ministru Joseph Muscat, emfasizza li fil-kwistjoni tal-Air Malta l-ħsieb tal-gvern hu li jħares il-postijiet tax-xogħol tal-ħaddiema. Il-Prim Ministru ddikjara dan f’intervista waqt il-programm Arena li xxandret ilbieraħ filgħaxija.
“L-għan tagħna hu li nipproteġu l-postijiet tax-xogħol tal-ħaddiema u nassiguraw li d-deċiżjonijiet verament iħallu r-riżultati,” spjega l-Prim Ministru.
Hawn reġa’ emfasizza kif il-ħsieb tal-gvern kien wieħed ċar mill-bidu. Dak li fin-negozjati dwar l-Air Malta jieħdu biss dawk id-deċiżjonijiet li jaqblu lil Malta.
Kien għalhekk li meta l-gvern dehrlu li n-negozjati mal-Air Malta ma kinux se jwasslu għall-aħjar ftehim għall-pajjiżna dawn twaqffu b’mod responsabbli.
“Tgħallimna ħafna minn dat-tip ta’ negozjar li kellna fl-aħħar xhur mal-Alitalia u din l-esperjenza ħa nużawha meta niġu fin-negozjati. Għamilna prijoritajiet, nafu l-bidliet li hemm bżonn isiru fl-AirMalta,” spjega l-Prim Ministru.
Fl-intervista l-Prim Ministru tkellem dwar għadd ta’ temi oħra. It-traffiku, il-Presdienza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-prezz tal-kirjiet u l-morning after pill fost oħrajn.
Filwaqt li kien ċar ukoll dwar ir-responsabbilta politika, partikolarment meta ffaċjat bil-mistoqsija dwar x’jirreaġixxi għall-fatt li jkun hemm min jgħidlu li hu ħa passi drastiċi filwaqt li ċerti deputati tal-Kap tal-Oppożizzjoni qatt ma jerfgħu responsabbilta politika.
Il-Prim Ministru jemmen li hemm maġġoranza siekta li tapprezza l-politika li jħaddan hu. Huwa spjega li l-ewwelnett min illum qed jikkritika ħalla l-linja tal-ajru fi stat diżastruz u t-tieni mhux kollox qisu magħluq u mingħajr prospettivi, illum hemm prospetti ta’ aktar imsieħba strateġiċi li jridu jidħlu.