Bejn din is-sena u l-2022 it-tkabbir ekonomiku se jibqa’ mgħaġġel f’medja ta’ 4.1%.
Dan sostnieh il-Bank Ċentrali ta’ Malta fi stqarrija li ħareġ fil-jum tat-Tnejn.
Fil-fatt il-prospetti għall-ekonomija Maltija għal dawn it-tliet snin li ġejjin jidhru li se jibqgħu sbieħ hekk kif it-tkabbir fil-konsum privat u fl-infiq tal-gvern hu mistenni li jibqa’ b’saħħtu.
Dan filwaqt li l-investiment hu mistenni li jiżboq dak irreġistrat is-sena l-oħra.
Fit-tliet snin li ġejjin, it-tkabbir fil-prodott domestiku gross ser ikun sostnut mid-domanda domestika dan riżultat tas-saħħa fil-konsum privat u fl-investiment li se jkompli jattira lejh pajjiżna.
Il-Bank Ċentrali żied jispjega li għalkemm l-esportazzjoni, kif dejjem kienet, se tibqa’ inqas mill-importazzjoni, il-kontribut tal-esportazzjoni netta mistennija tkun iżjed pożittiva s-sena d-dieħla.
Fatturi ewlenin għal dan l-iżvilupp interessanti fl-esportazzjoni ta’ pajjiżna mistenni jasal minħabba tnaqqis fl-importazzjoni ta’ makkinarji kapitali bħala investiment.
Dwar is-settur tax-xogħol, il-Bank Ċentrali qal ukoll li l-ħolqien tal-impjiegi se jibqa’ b’saħħtu sal-elfejn tnejn u għoxrin.
Intqal li r-rata tal-qgħad se tibqa’ stabbli, taħt l-erbgħa fil-mija.
Il-prospetti pożittivi għall-ekonomija Maltija se jibqgħu wkoll anki dwar ir-rata tal-inflazzjoni hekk kif din mistennija tkun battiet sa tmiem din is-sena u sa tliet snin oħra tibqa’ taħt it-tnejn fil-mija.
Il-bilanċ tal-gvern hu mistenni li jibqa’ pożittiv matul is-snin li ġejjin, b’tali mod li l-proporzjon tad-dejn fil-prodott domestiku gross mistenni li jinżel bin-nofs ta’ dak li kien taħt Gvern Nazzjonalista u għalhekk se jkun niżel għal madwar ħamsa u tletin fil-mija fl-elfejn tnejn u għoxrin.
Dan it-tbassir tal-Bank Ċentrali jiġbor fih ukoll l-miżuri mħabbra fil-Baġit għas-sena d-dieħla li mistenni jwassal għal żieda fl-investiment pubbliku li hija aktar milli kkumpensata minn żidiet fl-influssi tal-fondi Ewropej.
Dwar is-sitwazzjoni politika li żviluppat fl-aħħar ġimgħat f’Malta tkellem ukoll il-Bank Ċentrali u qal li jista’ jkun hemm riskji finanzjarji iżda imbagħad semma l-effett ta’ BREXIT fuq l-ekonomija Maltija.
Qal li huwa jitratta din il-kwistjoni b’kawtela iżda xorta qal li l-impatt huwa aktar baxx mir-rata ta’ nofs perċentwal li semma l-istess bank f’rapport li kien ħareġ sentjen ilu.