Hekk kif il-Ġimgħa ntemmet sena skolastika oħra, li kienet kemmxejn differenti, tnieda l-prospett għas-sena skolastika li jmiss tal-Giovanni Curmi Higher Secondary.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici, fejn qal li bħalissa l-Gvern għaddej b’ħidma sabiex il-bibien tal-iskejjel jerġgħu jiftħu mill-ġdid f’Settembru. Il-Ministru Bonnici qal li dan il-ftuħ se jkun qed iżid fuq dak li sar fil-ftuħ taċ-childcare centres u Skolasajf.
Il-Ministru Bonnici stqarr: “Hawn sens ta’ rieda biex f’settembru li ġej, is-sistema edukattiva terġa’ tmur lura għan-normal u aħna naturalment qed nagħmlu l-preparazzjonijiet kollha biex dan isir.”
Il-Ministru Bonnici qal li istituzzjoni bħal Higher Secondary u istituzzjonijiet edukattivi oħra post-sekondarji qed iwasslu l-istudenti għall-ħiliet ġodda sabiex ikomplu jitħejjew għad-dinja tax-xogħol.
Is-Surmast ta’ din l-iskola, Gaetano Calleja qal kif dan il-prospett jinkludi fih suġġetti u korsijiet varji, li jinkludi fih dawk f’livell avvanzat u f’livell intermedjarju. Qal li fost il-korsijiet li hemm offruti f’dan l-istitut hemm dawk informali, sabiex jgħin lill-istudenti jiżviluppaw b’mod sħiħ u jippreparaw ruħhom għall-edukazzjoni terzjarja.
Huwa spjega: “Għandna pjanati diversi webinars li se nagħmlu online għal dawk l-istudenti li qegħdin form 5 flimkien mal-ġenituri tagħhom sabiex intuhom aktar informazzjoni dwar il-benefeċċji tal-iskola, dwar il-mod kif topera l-iskola u d-diversi korsijiet.”
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni Frank Fabri fisser xejriet pożittivi fil-qasam edukattiv.
Is-Sur Fabri qal: “Żieda b’sena sena ta’ aktar sena li qed ikomplu jistudjaw f’istituzzjonijiet bħal m’hi din u bħal m’huma sixth forms oħra. aktar studenti qed jidħlu l-università jew l-mcast qed ikomplu bl-istudju tagħhom u inqas studenti u żgħażagħ inqabdu fi brackets ta’ early school leaving li hija pożittiva wkoll.”
Il-prospett jista’ jinkiseb mill-Kunsilli Lokali, il-Ministeru għall-Edukazzjoni, mill-iskola jew mis-sit elettroniku tal-iskola, filwaqt l-applikazzjonijiet se jinfetħu f’nofs Lulju.