Bħal kull sena l-MCAST nediet il-prospectus il-ġdid tagħha b’191 kors fi ħdan is-sitt istituzzjonijiet ta’ din l-entità edukattiva.
Matul din is-sena ġew riveduti wkoll 21 kors filwaqt li għas-sena akkademika l-ġdida se jkun hemm seba’ korsijiet ġodda.
Il-prospectus jinkludi wkoll 11-il-kors f’livell ta’ Masters.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet kien spjegat li l-prospectus huwa miftuħ għal tnax-il elf student full-time u part-time li jattendu għall-edukazzjoni fl-MCAST.
Il-Prinċipal u Kap Eżeluttiv tal-MCAST, il-Professur James Calleja stqarr, “Bħala korsijiet għandna Advanced Diploma Finance and Insurance, għandna Advanced Diploma oħra in Retail. Għandna tnejn in Aircraft Maintenance, għandna kors ġdid in Advance Diploma in Robotics, Drone Technology Automation, Artificial Intelligence u ieħor in Transportation and Logistics Managment flimkien ma’ kors li huwa importanti ħafna għalina li huwa Baċċellerat fl-Edukazzjon Vokazzjonali.”
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici saħaq kif dan il-prospectus tfassal mill-istudenti tal-MCAST stess.
Il-Ministru saħaq, “Dan huwa xogħol li sar mill-istudenti stess tal-Mcast. Kemm hi sabiħa din l-idea li l-istudenti stess tal-MCAST jipproduċu l-invit biex studenti oħrajn jidħlu f’din l-istituzzjoni.”
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni Dr. Frank Fabri saħaq fuq l-avvanzi li għamlet l-MCAST fl-aħħar snin speċjalment għal dawk li jagħżlu jimirħu fil-qasam vokazzjonali.
“Anke fiċ-ċirkostanzi straordinarji, l-MCAST kompla bit-tagħlim online u bi programm effettiv sabiex l-istudenti kollha, fil-livelli kollha, jingħataw laptop u aċċess tal-internet biex ikunu jistgħu jibqgħu jirċievu t-tagħlim”, temm jgħid Dr. Fabri.