Il-Kulleġġ tal-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCAST nieda l-prospectus għas-sena akkademika li ġejja.
L-MCAST qed joffri madwar mija u disgħin kors fis-sitt istituti tiegħu, li minnhom hemm sitt korsijiet ġodda.
Il-korsijiet ikopru fost oħrajn ix-xjenza applikata, l-arti kreattiva, l-inġinerija elettronika u l-mekkanika, it-teknoloġija tal-informatika u s-servizzi għall-komunità.
Wieħed mill-korsijiet il-ġodda li l-MCAST se joffri għas-sena akkademika ġdida se jkun qiegħed jipprepara studenti jassistu fi kliniċi dentali.
Il-kors, li jġib l-isem ta’ ‘Dental Surgery Assistance’ , għandu aspetti kemm teoretiċi kif ukoll prattiċi.
Qalet, “Il-prattika mhix biss prattika hawn fil-laboratorju tagħna iżda l-istudenti se jkollhom work placement fil-kliniċi. Hawnhekk nixtieq nirringrazzja wkoll lid-dipartiment tas-saħħa ta’ Mater Dei talli offrew lill-istudenti tagħna work placement.”
Ir-Reġistratur tal-MCAST, Maria Pace, spjegat li fil-prospectus għas-sena akkademika ġdida, l-MCAST qed toffri ukoll esperjenzi ta’ xogħol mat-tagħlim akkademiku.
Hija stqarret li l-korsijiet iwasslu għal livell ta’ kwalifiki li jvarjaw minn ċertifikat sa livell ta’ dottorat.
Qalet, “Jekk hemm studenti prospettivi li jixtiequ jingħaqdu magħna fl-MCAST, il-prospectus diġà jinsab online biex jidħlu fil-website tagħna tal-kulleġġ tal-MCAST u hemmhekk isibu l-link dirett għall-prospectus fejn jistgħu jaraw il-korsijiet kollha li noffru.”
Il-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST, il-Professur Joachim James Calleja spjega li l-prijorità ta’ dan il-kulleġġ huwa li jiżgura li kull student ikollu esperjenza ta’ tagħlim b’suċċess f’ambjent pjaċevoli u sigur. Il-Professur Calleja saħaq li l-MCAST stabbilixxa viżjoni ċara biex ikun minn ta’ quddiem nett fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u professjonali.