L-Istitut għall-Edukazzjoni nieda prospectus ġdid għall-edukaturi li jixtiequ jitħarġu aktar fil-professjoni.
Il-Kap Eżekttiv tal-Istitut, Joanne Grima, spjegat li edukaturi differenti se jkunu eliġibbli skont il-kwalifiċi li diġà għandhom inkluż l-għalliema supply li jixtiequ jkunu għalliema regolari. Fl-istess ħin anke persuni f’karrieri oħra li jixtiequ b’xi mod jagħtu sehem fil-qasam edukattiv.
Din is-sena l-istitut se joffri ħdax-il Baċċellerat, fosthom fl-edukazzjoni fiżika, fil-bijoloġija u fis-saħħa u s-sbuħija. L-applikanti jistgħu jagħżlu wkoll minn ħdax-il kors offrut f’livell Maġisteru.
Għalliema kwalifikati diġà jistgħu jagħżlu wkoll minn korsijiet akkreditati iqsar li se joffri l-Istitut biex itejbu kompetenzi partikolari, bħal kif għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lil tfal bl-awtiżmu fil-klassi. Il-Kap Eżekuttiv tal-Istitut spjegat li dan jassigura r-relevanza tal-korsijiet billi joffri wkoll servizz ta’ persuna li tmur fil-klassi, “tgħix ir-realtajiet mal-għalliem li qed jagħmel il-kors, u jara li dak li qed jiġi mgħallem huwa verament possibbli u prattikabbli fil-klassi stess”.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici qal li dan huwa t-tieni prospectus edukattiv li tnieda din il-ġimgħa, iżda dan huwa primarjament għall-edukaturi. Qal li dawn il-korsijiet se jagħtu għodda ġodda lill-għalliema, li eventwalment jgħadduhom ukoll lill-istudenti biex javvanzaw fit-traġitt edukttiv tagħhom. “Nemmen li l-Istitut għall-Edukazzjoni qed jagħmel xi ħaġa tajba għax qed jinvesti fil-progress u t-tisħiħ tal-ħiliet tal-edukaturi li jagħmlu xogħol tant tajjeb għal uliedna u għal ulied uliedna”, qal il-Ministru Bonnici.
L-applikazzjonijiet se jiftħu fl-20 ta’ Mejju li ġej, u fil-15 ta’ Mejju l-Istitut se jmexxi sessjoni informattiva virtwali fuq is-sit elettroniku tiegħu. Dawk interessati għadhom jidħlu fuq is-sit IFE.GOV.MT biex jirreġistraw.