Raġel ta’ 43 sena nstab mejjet f’daru fis-Swieqi llum wara nofsinhar.
Rapporti qed jgħidu li r-raġel huwa l-Prosekutur fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, Dr Karl Muscat.
Il-Pulizija ġiet infurmata dwar dan il-każ għall-ħabta tas-12:45 ta’ wara nofsinhar u kienu l-qraba li avzaw il-Pulizija, li kien hemm katavru f’dar fi Triq is-Sirk, fis-Swieqi.
Il-kelliem tal-Pulizija Brendan Pisani spjega mal-midja li l-mewta hija waħda ekwivoka u bħalissa mhu eskluż xejn u għaddejjin investigazzjonijiet sabiex tiġi stabbilità r-raġuni tal-mewt.
Ġie spjegat kif fid-dar ma kienx hemm taqlib.
L-investigazzjonijiet qed isiru mid-Dipartimenti tar-Reati Maġġuri u l-Pulizija tad-Distrett.
Fi stqarrija tal-Pulizija ntqal kif l-awtopsja fuq il-katavru mistennija titfa’ aktar dawl fuq il-każ, fejn f’dan l-istadju mhu qed ikun eskluż xejn.
Dwar dan il-każ infetħet Inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella.