B’investiment ta’ miljun u mitejn elf ewro, proprjetà li kienet mitluqa fi Triq Żekka fil-Belt Valletta, qed terġa’ tingħata l-ħajja, u se tgħaddi għand il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali biex tintuża bħala akkomodazzjoni soċjali.
Ix-xogħol fuq din il-proprjetà ta’ seba mitt metru kwadru, qed isir mill-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, u ġaladarba jitlesta x-xogħol fuqha, se tinbidel fi tmien appartamenti b’sittax-il sodda.
Fost ix-xogħlijiet, sar restawr tal-faċċata u żdied sular ieħor fuq dak eżistenti. Tneħħew ukoll is-soqfa u strutturi oħra perikolużi.
Il-binja se tkun aċċessibbli għal kulħadd, bl-installazzjoni ta’ lift. Dan filwaqt li ttieħdu miżuri favur l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-ilma.
Dan ix-xogħol jifforma parti mill-proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ Marsamxett ko-finanzjat b’Fondi Ewropej.