“Dak ippubblikat fil-manifest elettorali tal-PN se jkun qed jitfa f’periklu lil madwar 10,000 familja u anzjani.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Partit Laburista f’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema Malta Flimkien it-Tlieta wara nofsinhar b’reazzjoni għal dak propost fil-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista b’rabta mal-kirjiet ta’ qabel l-1995.
Il-Partit Laburista tenna li b’dak propost il-Partit Nazzjonalista tefa’ bomba tal-ħin fuq dawn il-familji u kompla juri kemm m’għandu l-ebda kredibiltà f’dan il-qasam.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes fakkar kif kien Gvern Laburista li sab tarf ta’ din il-problema ftit tax-xhur ilu wara li amministrazzjonijiet Nazzjonalisti tefgħu taħt it-tapit din il-kwistjoni.
Dan permezz ta’ riforma fil-liġi tal-kera, li ħadet ħsieb kemm lis-sidien tal-propjetajiet kif ukoll tal-inkwilini biex b’hekk ġiet assigurata l-protezzjoni massima lil min l-aktar kellu bżonn din ir-riforma.
Il-Ministru Galdes, “Jekk inti għandek pensjonant li għandu kirja ta’ €6,000 u dan se jkollu kirja issa ta’ €9,000 għall-ewwel 3 snin qed jgħidilna Bernard Grech se jtih dak is-sussidju imma jittejperjahulu sakemm dan jinqata’ darba għal dejjem. Allura dan l-anzjan se jispiċċa jħallas mill-pensjoni li għandu ta’ €6,000, €9,000 kera fis-sena. Dan ifisser li prattikament qed titfa’ l-barra lil dak l-anzjan mid-dar tiegħu.”
Minn naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi tenna li din il-proposta tkompli tikkonferma l-element tal-passat li għadu jħaddan fi ħdanu l-Partit Nazzjonalista.
Zrinzo Azzopardi rrimarka wkoll kif dawn it-tip ta’ proposti jikkonfermaw in-nuqqas ta’ ħila tal-Partit Nazzjonalista li jmexxi pajjiż. Huwa fil-fatt irrimarka n-numru ta’ manifesti li ħareġ il-Partit Nazzjonalista fuq numru ta’ jiem.
Zrinzo Azzoprdi qal, “Qalulna fl-aħħar jiem li ħarġu manifest imma tajjeb li ngħidu li ħarġu erba’ verżjonijiet tal-manifest. Issa forsi nistennew li jerġa’ jinbidel dan il-manifest imma effettivament qed naraw li ma jafux x’se jaqbdu jagħmlu. L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ilha 5 snin tgħid li hija ppreparata biex tmexxi l-pajjiż u f’temp ta’ 3 ijiem inbidel il-manifest.”
Il-Partit Laburista temm jgħid li l-għażla tal-Partit Nazzjonalita biex imexxi pajjiżna fis-26 ta’ Marzu titfa’ f’periklu l-kisbiet kollha li għamel pajjiżna fl-aħħar snin.
Għalhekk l-importanza li l-Partit Laburista jingħata l-fiduċja biex pajjiżna jibqa’ jimxi lejn il-futur.