Il-proposta tal-Partit Laburista ta’ aktar spazji ħodor għal Malta u Għawdex isbaħ qed tibqa’ tirċievi reazzjonijiet pożittivi.
Quddiem l-investiment propost ta’ seba’ mitt miljun ewro fuq medda ta’ seba’ snin, il-Professur Simone Borg li hija lettur anki fil-liġi ambjentali fl-Università ta’ Malta, qalet li l-proposta hija waħda tajba ħafna biex is-siġar fl-urban jassorbu l-emmissjonijiet u jkollna arja iżjed nadifa.
“Bħala Ambaxxatriċi għat-Tibdil fil-Klima, kull spazju aħdar huwa importanti għaliex jassorbi gassijiet serra u jiġġenera arja aktar nadifa, ikollok aktar ossiġnu allura fil-qalba tal-postijiet urbanizzati li għadna jagħmlu ħafna sens.”
L-Ambaxxatriċi Maltija għat-Tibdil fil-Klima, il-Prof. Simone Borg
L-Ambaxxatriċi Maltija għat-Tibdil fil-Klima kellha kummenti pożittivi għall-pjanijiet ta’ parks u spazji miftuħa fil-qalba tal-komunitajiet, b’mod partikolari fir-Rabat Għawdex, Santa Venera, Birkirkara u anki l-Floriana.
Quddiem il-proposta tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista li anki Gvern ġdid jixtri propjetajiet antiki forsi b’xi ġonna fl-ibliet u l-irħula u jibdilhom fi spazji għall-familji, il-Professur Borg qalet li ħajjet il-Maltin tista’ tinbidel għall-aħjar b’dak propost.
“Hija ħaġa tajba ħafna, nafu kemm għandna djar antiki forsi ġonna kbar allura dan huwa l-mod kif ingawdu dawn l-ispazji. Anke napprezzaw aktar dak li għandna fil-lokalità tagħna għax ħafna drabi, speċjalment f’lokalitajiet urbanizzati għandna t-tendenza li rridu mmorru x’imkien ieħor, forsi iktar fil-kampanja biex ngħaddu l-ħin f’iktar nadif. Pero realtà hija li nistgħu nfitxu dawn il-postijiet jista’ jkollna din l-opportunità nistgħu ngawduhom aħjar u jkunu iktar viċin tagħna, mingħajr l-użu tal-karozza.”
L-Ambaxxatriċi Maltija għat-Tibdil fil-Klima, il-Prof. Simone Borg