Il-Plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu approvat ir-rapport dwar il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea għal sistema komuni ta’ VAT fir-rigward ta’ skemi speċjali għall-intrapriżi ż-żgħar. Il-Kumitat tal-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament Ewropew (ECON) f’Lulju kien adotta l-emendi li ppropona Alfred Sant lill-abbozz tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-iskema speċjali ta’ eżenzjoni tal-VAT għall-intrapriżi ż-żgħar madwar l-UE. L-Iskema taġġorna arranġamenti diġa` eżistenti li bihom l-SMEs huma eżentati minn ċerti obbligazzjonijiet ta’ VAT li huma amministrattivament diffiċli għalihom. Testendi wkoll is-sistema tal-eżenzjoni għal intrapriżi żgħar li jibdew jesportaw.
Ir-rapport approvat illum inkluda l-emendi tal-MEP Malti dwar l-iffaċilitar ta’ transazzjonijiet tal-intrapriżi żgħar f’ekonomiji żgħar bħal Malta u Għawdex. L-emendi ta’ Dr Sant servew biex itejbu l-miżuri li diġa` kienu fl-abbozz tal-Kummissjoni bl-għan li jitħaffef il-piż għal konformita` fuq l-intrapriżi ż-żgħar madwar l-UE u jkunu megħjuna biex jieħdu sehem aktar fil-kummerċ bejn pajjiżi membri oħra bis-saħħa tal-estensjoni tal-iskema ta’ eżenzjoni.
Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew – bħala shadow rapporteur f’isem l-S&D – kien ipropona bidliet favur l-SMEs li jaffaċċjaw fatturi staġjonali jew domanda irregolari, permezz ta’ estensjoni tar-reġim transitorju previst fid-Direttiva. Meta l-intrapriżi żgħar jaqbżu l-limiti ta’ eżenzjoni, għandhom jingħataw perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ sentejn, pjuttost milli ta’ sena, li matulhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-istatus ta’ eżenzjoni. Dan biex ikunu aġevolati l-SMEs li jaffaċċjaw perijodi tajbin u oħrajn diffiċli fit-tkabbir ekonomiku tagħhom.
Ir-rapport ġie approvat b’618 vot favur, 40 kontra u 24 astensjoni.