Proposta tal-Kummissjoni Ewropea se tkun qed tiffaċilita l-aċċess għad-dritt tal-moviment ħieles għall-persuni b’diżabilità fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Dan billi se tiġi introdotta Kard Ewropea tad-Diżabilità, waqt li ttejjeb il-Kard Ewropea attwali għall-Parkeġġ għall-persuni b’diżabilità.
F’opinjoni fil-gazzetti lokali tal-Erbgħa, il-Kummissarju Ewropew responsabbli mill-Ugwaljanza, il-Maltija Helena Dalli, qalet li din il-proposta se tibni fuq is-suċċess ta’ proġett pilota fi tmien stati membri, fosthom Malta.
Il-Kummissarju Dalli qalet li din il-karta se tiżgura li l-persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jgawdu d-drittijiet Ewropej tagħhom li jiċċaqilqu b’mod ħieles meta jivvjaġġaw lejn pajjiżi oħrajn fl-Unjoni Ewropea.
Dwar it-titjib fil-Kard Ewropea għall-Parkeġġ, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li jkun hemm l-istess format ta’ din il-kard madwar l-istati membri kollha.
Hi sostniet ukoll li issa tistenna mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex javvanzaw malajr b’din il-proposta tal-Kummissjoni.